The Three Palaces: Celebrating Music
Festival ġdid se joffri sensiela ta’ kunċerti fl-ambjent uniku tat-tliet palazzi presidenzjali
Is-swali meraviljużi tal-palazzi presidenzjali se jipprovdu ambjent uniku għall-festival tal-mużika li se jiġbor fih għażla ta’ mużika klassika, moderna u jazz. Dan il-festival, ‘The Three Palaces: Celebrating Music’, ser isir mill-4 sal-10 ta’ Novembru u se jiġbor fih artisti internazzjonali kif ukoll lokali, stabbiliti kif ukoll emerġenti, li lkoll urew eċċellenza fil-qasam tagħhom.
Dan il-festival – li qed isir għall-ewwel darba – qed jiġi organizzat mill-Uffiċċju tal-President f’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali.
L-Onor José Herrera beda billi tkellem fuq l-impenn tal-Presdienti kollha ta’ Malta iżda għamel aċċenn partikolari fuq il-President atwali l-E.T. Dr. Ġorġ Abela li mhux biss qed ikun patrun tal-kultura ġewwa pajjiżna iżda li ser jibqa’ imfakkar bħala l-aktar President li kien viċin tal-poplu.
Dr. Herrera saħaq li l-għan wara din l-inizjattiva huwa li nagħtu opportunità lill-ġenerazzjoni ġdida ta’ mużiċisti. “Barra mill-fatt li din hija attivita’ ġdida li nixtiequ li tidħol parti mill-Kalendarju Kulturali annwali ta’ pajjiżna, qed nimmiraw li nilħqu udjenzi ġodda. B’inizjattiva bħal din, qegħdin niżirgħu fil-ġenerazzjoni ġdida l-imħabba għall-kultura u nixprunaw rieda u ħeġġa għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet kreattivi. Permezz ta’ dan il-festival qed nimmiraw li nħajjru membri tal-pubbliku sabiex jaraw fil-mużika opportunitajiet ta’ espressjoni ta’ talent kif ukoll niġġeneraw biżżejjed interess li eventwalment ikun hemm prospetti ta’ xogħol permezz tal-industrija kreattiva”
Ħarsa ħafifa lejn il-programm juri li l-eċċellenza fil-mużika ser taqbel mal-uniċita’ tal-ambjent. Il-festival ser jiftaħ it-Tnejn 4 ta’ Novembru fis-7pm fil-Palazz Verdala, b’taħdita dwar ‘Romanticism: the resonance of silence’, mill-espert magħruf ta’ Byron Prof Peter Vassallo. Wara ser ikun hemm kunċert min-Nash Ensemble li ser jesegwixxu t-‘Trout Quintet’ ta’ Schubert. Imsejħin bħala “chamber music royalty” mis-Sunday Times, in-Nash Ensemble huma r-‘Resident Chamber Ensemble’ ta’ Wigmore Hall. Dan l-Ensemble rebaħ numru ta’ premjijiet li jinkludu ‘The Edinburgh Festival Critics award’ għall-eċċellenza artistika ġenerali u żewġ premjijiet mir-Royal Philharmonic Society fil-kategorija taċ-‘Chamber Music’.
Il-ġurnata ta’ wara, żewġ mużiċisti min-Nash Ensemble – Ian Brown u Adrian Brendel – se jagħtu kunċert fil-Palazz ta’ Verdala. Fl-istess Palazz, Nicholas Vella Laurenti, Charles ‘City’ Gatt u Joe Debono ser idoqqu mużika jazz fil-5 ta’ Novembru.
L-Erbgħa 6 ta’ Novembru, is-soprano Miriam Cauchi flimkien ma’ Maria Frendo fuq il-pjanu u Simon Abdilla Joslin fuq iċ-ċello ser jagħtu kunċert fil-Palazz ta’ San Anton. L-għada, John Lill ser jesegwixxi għażla mis-sonatas ta’ Beethoven fil-Palazz ta’ San Anton. Il-Ħamis 7 ta’ Novembru huwa ser jagħti ‘masterclass’ fil-Palazz ta’ Verdala.
F’karriera ta’ iżjed minn 55 sena, John Lill ġie msemmi bħala wieħed mill-aħjar pjanisti ta’ dawn iż-żmenijiet (The Glasgow Herald) u l-kunċerti tiegħu bħala l-aktar viċin li nistgħu nersqu lejn il-perfezzjoni (The Guardian). Huwa taha kunċerti f’aktar minn 50 pajjiż. It-talent rari tiegħu beda jidher ta’ eta’ żgħira – huwa taha l-ewwel kunċert tiegħu ta’ disgħa snin. Fost għadd ta’ premjijiet internazzjonali li rebaħ fil-bidu tal-karriera tiegħu, jispikka il-‘Moscow International Tchaikovsky Competition’ - wieħed mill-aktar premjijiet prestiġjużi – li huwa rebaħ fl-1970 u li ssiġġilla is-skeda internazzjonali tal-kunċerti tiegħu.
Ir-repertorju estensiv tiegħu jinkludi aktar minn 80 concertos u huwa magħruf l-aktar bħala interpretu ewlieni ta’ Beethoven. Huwa rċieva numru ta’ dottorati minn universitajiet, kulleġġi u akkademji. Huwa jgħix f’Londra u ġie mogħti l-OBE fil-1977 u s-CBE għas-servizzi tiegħu fil-mużika fl-2005.
Il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru, is-soprano Lydia Caruana u l-pjanista Yvette Galea se jagħtu kunċert fil-Palazz ta’ San Anton. L-għada, Dominic Galea Trio flimkien ma’ Deborah Harrison se jesegwixxu ‘Jazz Inspirations’ il-Palazz ta’ Verdala.
Is-soprano Gillian Zammit, mezzo soprano Clare Ghigo, Rebecca Hall u Britt Arend fuq il-flawt u l-arpa ser jagħtu kunċert ta’ mużika Franċiża is-Sibt 9 ta’ Novembru fil-Palazz il-Belt. Il-festival se jagħlaq il-Ħadd 10 ta’ Novembru b’ġurnata għall-familja fil-ġonna tal-Palazza Verdala. Dakinhar stess, kunċert ieħor - b’Nadia Debono fuq il-vjolin, Gjorgji Cincievski fuq il-kuntrabaxx u Joanne Camilleri fuq il-pjanu – ser isir il-Palazz ta’ Verdala. Il-festival jagħlaq b’kunċert ta’ Charlene Farrugia li ser iddoqq xogħlijiet ta’ Chopin u Schumann fil-Palazz ta’ San Anton.
Bħala parti minn dan il-festival ser isiru xi attivitajiet fl-iskejjel u fl-isptar Mater Dei. Il-kumitat artistiku tal-festival huwa magħmul minn Cynthia Turner, Albert G. Storace u Lucia Micallef.
Id-dħul għal din is-sensiela ta’ avvenimenti huwa b’xejn; l-attendenza hija bi stedina u fuq bażi ta’ first-come first-served. Il-postijiet huma limitati ħafna u għalhekk huwa irrikkmandat li l-booking isir kmieni. Donazzjonijiet lill-Community Chest Fund huma apprezzati. Għal aktar informazzjoni ċempel fuq 2559 5563/4.
Stqarrijiet Oħra:
PR262035
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...
PR262034