IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: IĊ-ĊAVETTA GĦAT-TKABBIR EKONOMIKU
Il-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) il-bieraħ organizza t-tieni seminar minn serje ta’ erbgħa bit-tema ‘The Economic Recovery: Overcoming the Crisis Together’. L-iskop ta’ dawn is-seminars huwa li jiltaqgħu flimkien dawk kollha li għandhom interess biex jiddiskutu l-effett tal-kriżi ekonomika fuq l-operat tagħhom, u biex flimkien jevalwaw kif l-ekonomija qed tirkupra u kif qed jintlaħqu l-miri nazzjonali f’dawn l-oqsma fl-isfond tal-istrateġija Ewropa 2020 li hija l-politika tal-UE għat-tkabbir ekonomiku.
Is-seminar tal-bieraħ iffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari l-miri nazzjonali f’dawn l-oqsma. Waqt is-seminar ingħatat informazzjoni dwar il-programm ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea (UE), Horizon 2020 li se jidħol fis-seħħ mis-sena d-dieħla u li se jiġbor fih l-inizjattivi kollha li għandhom x’jaqsmu mar-riċerka u l-innovazzjoni.
Fl-introduzzjoni tiegħu l-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, fisser kif ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huma komponenti prinċipali fl-istrateġija Ewropa 2020. Huwa qal li dawn l-elementi jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, għal żieda fl-impjiegi, għal produttività u kompetittività akbar, għall-iżvilupp ta’ riżorsi effiċjenti, u biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali.
Dott. Xuereb qal li f’dan ir-rigward il-MEUSAC qed jagħti l-opportunità lill-partijiet interessati jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politika f’dan ir-rigward, speċjalment fuq livell lokali.
Il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, is-Sur Martin Bugelli, qal li t-termini “Riċerka” u “Innovazzjoni” jfissru wkoll kif nieħdu d-deċiżjonijiet ta’ kuljum, u kif jiġu żviluppati sistemi effiċċjenti ta’ operat li jgħinu fuq livell Ewropew biex tiżdied il-kompetitività u noħorġu mill-kriżi.
Fil-preżentazzjoni tiegħu dwar il-programm Horizon 2020, is-Sur Andrew Bianco, Policy Officer fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, qal li l-baġit ta’ dan il-programm se jlaħħaq is-€70 biljun, 20% aktar mill-programm ta’ qablu, l-FP7. Is-Sur Bianco qal li fost l-oħrajn, l-inizjattivi ta’ Horizon 2020 se jindirizzaw b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).
Il-Kap Eżekuttiv tat-Trust tar-Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp fl-Università ta’ Malta, is-Sur Wilfred Kenely, tkellem dwar ir-rwol tas-soċjetà u kif jistgħu jintlaħqu l-oġġettivi tal-pajjiż f’dawn l-oqsma. Is-Sur Kenely qal li l-oġġettivi għall-2020 huma li l-Maltin kollha jkollhom livell ta’ edukazzjoni xjentifika, li 3% tal-prodott domestiku gross ikun marbut mar-riċerka, u li Malta jkollha intrapriża ġdida ta’ livell għoli. Biex dawn jintlaħqu, is-soċjetà fid-diversi livelli tagħha għandha tappoġġja lill-Università biex din tkun tista’ tagħti prijorità lir-riċerka u l-innovazzjoni.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), Dott. Jeffrey Pullicino Orlando, tkellem dwar ir-rwol tal-MCST u dwar il-qagħda preżenti fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta. Huwa semma l-Istitut Ewropew għar-Riċerka u t-Teknoloġija (EIT) tal-UE, u kif fi ħdan dan l-istitut, Malta qed tipprepara biex tapplika għal inizjattiva li se jkollha investiment ta’ €1.3 biljun. L-iskop tal-proġett se jkun li jiġu indirizzati l-isfidi ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u kif il-potenzjal ekonomiku maħluq minn din il-bidla demografika jista’ jiġi sfruttat.
Waqt id-diskussjoni li segwiet tqajmu diversi punti, fosthom: il-kapital kreattiv; kif l-innovazzjoni għandha tkun stimulata mill-komunità; il-kunċett ta’ ċentru ta’ tagħrif dwar l-innovazzjoni; il-problema tat-trasport; il-frammentazzjoni; il-problema ta’ investiment barrani li f’Malta jikkonċentra fuq il-produzzjoni u mhux fuq ir-riċerka; kif Horizon 2020 jista’ jgħin lill-SMEs.
Fl-aħħar nett, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Dott. Peter Agius, tkellem dwar id-direttiva ġdida tal-UE dwar il-patents, li permezz tagħha patent mixtrija f’pajjiż tal-UE se tkun rikonoxxuta f’kull Stat Membru ieħor.
Dan is-seminar kien parti minn proġett tal-MEUSAC finanzjat mill-UE taħt il-Management Partnership bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-MEUSAC. Bħala parti minn dan il-proġett, fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru seminars oħra li jindirizzaw l-edukazzjoni u x-xogħol, u l-infrastruttura u l-enerġija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262035
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...
PR262034