Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LEO BRINCAT, MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, AMBJENT U TIBDIL FIL-KLIMA FIL-FTUĦ TA’ SEMINAR ORGANIZZAT MILL-KUMPANIJA E.L.V (EXTRA LOW VOLTAGE) ENGINEERING SERVICES LTD. DWAR L-INTRODUZZJONI TA’ PRODOTT TA’ FIRE SUPPRESSION

pr2422
Date Icon 31/10/2013

Il-Gvern li nagħmel parti minnu huwa impenjat li jinkoraġġixxi lil dawk kollha li jaqilbu għall-prodotti u servizzi li jtejbu l-ambjent ta' madwarna.

Aħna mhuwiex xogħlna li ngħidu lill-konsumatur x'għandu jixtri jew minn għand min għandu jixtrih, iżda minn naħa l-oħra huwa dmirna li niggwidaw lin-nies biex qabel jagħmlu l-għażliet tagħhom iżommu f'moħħom l-istandards ambjentali li pajjiżna jinħtieġ li jadotta, jżomm u jew li jimmira għalihom.

Ikun hemm min jargumenta li fi żmien ta' taqlib ekonomiku dinji, l-ambjent seta’ tilef l-importanza tiegħu.

Iżda meta niftakru li l-ambjent huwa marbut direttament mal-kwalità tal-ħajja tagħna, qajla nistgħu naffordjaw li naraw l-affarijiet b' lenti daqstant mżellġa.

Min jargumenta f'dan il-mod ikun qed jidħaq biss bih innifsu.

Ikun qed jonqos lis-soċjetà nnifisha.

U jkun qiegħed biss jagħmel bill-maqlub ta' dak li suppost nemmnu fih lkoll.

Li nimmiraw li naraw li l-iżvilupp madwarna jkun wieħed sostenibbli.

Meta naf kemm hawn stakeholders mistednin mis-Civil Protection, mill-Armata, mill-MITA u minn entitajiet oħra nieħu gost ninnota li dan l-messaġġ aktar jista’ jasal u jinfirex malajr.

Daqstant ieħor nieħu gost ninnota li ċerti teknoloġiji bħal dawk li qed jiġu promossi llum qed iżommu fuq quddiem kriterji, regoli u standards għoljin tal-Unjoni Ewropea.

Li f'qasam bħal dan ikollok prodotti li la huma tossiċi u lanqas m’huma korrużivi  għandu jitqies bħala pass pożittiv ferm.

Għalhiex l-importanti mhux biss kemm prodott jinzerta jkun teknoloġikament tajjeb u kompetittiv fil-prezz, iżda wkoll kemm u jekk ikollux xi effett negattiv fuq s-saħħa ambjentali.

Pajjiżna għandu ħafna opportunitajiet quddiemu biex jilqa’ teknoloġiji ġodda.

Diment li jkunu teknoloġiji diġà approvati u li diġà taw r-riżultati f'pajjiżi oħrajn - merħba bihom.

Iżda hemm differenza bejn li pajjiż iservi ta' bażi ta' riċerka u t' innovazzjoni u dak li jservi bħala bażi għall-esperimentar fejn fin-nofs jista’ jkun hemm riskji għas-saħħa tal-konsumatur jew tal-ambjent ta' madwarna.

Kien f'dan l-ispirtu li lqajt l-istedina ġentili li saritli. U filwaqt li niddikjara din l-konferenza miftuħa, nawgura suċċess lil kull wiehed u waħda minnkom billi nwassal mill-ġdid messaġġ li huwa għal qalbi ferm.

Li l-ħarsien tal-ambjent u l-avvanzi teknoloġiċi għandhom jimxu pass pass flimkien – l-istess kif l-ekonomija u l-ambjent għandhom ikunu komplimentari ma’ xulxin. Flok nibqgħu ankrati mal-ideat immuffati li dawn ixekklu lil xulxin.

Grazzi lill-kulħadd.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI     Il-Gvern jibqa’ determinat li jkompli jmexxi ’l quddiem il-wegħda elettorali ta’ 5 ijiem ta’ Family Violence Leave

PR262035

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow