IL-MINISTRU HELENA DALLI F’LAQGĦA MAL-GRUPP STUDENTI ĦARSIEN SOĊJALI
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli ltaqgħet mal-grupp Studenti għall-Ħarsien Soċjali (SĦS). Dan huwa grupp Universitarju tal-istudenti tad-Dipartiment tal-Ħidma Soċjali u l-Politika Soċjali.
L-istudenti spjegaw lill-Ministru x-xogħol li jagħmlu fil-kamp studentesk, b’mod partikolari l-attivitajiet li jkunu mmirati biex iħeġġu lill-istudenti jkollhom sehem aktar attiv fil-ħajja tal-Università.
Minn naħa tagħha, l-Ministru Dalli qalet li apparti ħidma mal-istudenti Universitarji, din l-organizzazzjoni tagħti kontribut lill-professjonijiet relatati mal-ħarsien soċjali u l-politika soċjali. L-Onor. Dalli qalet li waħda mill-għanijiet prinċipali tal-ħidma ta’ dawn l-istudenti huwa li jikber il-valur ta’ dawn il-professjonijiet. Il-Ministru Dalli semmiet ukoll id-dibattiti li torganizza din l-għaqda fl-Università u qalet li dawn huma inizjattivi importanti li jikkontribwixxu biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali f’pajjiżna.
Fi tmiem il-laqgħa l-Ministru Dalli iffirmat u ppreżentat ċertifikati lill-membri tal-bord eżekuttiv tal-SĦS. Dawn ġew mogħtija bħala sinjal ta’ ringrazzjament minn naħa tal-President tal-SĦS lill-membri tal-eżekuttiv tas-sehem tagħhom fl-għaqda.
Other Press Releases:
PR262035
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...
PR262034