STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR. JOSEPH MUSCAT DWAR IL-KUNSILL EWROPEW LI LTAQA’ FI BRUSSELS BEJN L-24 U L-25 TA’ OTTUBRU 2013
Sur President
Nixtieq nirraporta lil din il-Kamra dwar ix-xogħol li sar waqt il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ nhar il-Ħamis 24 u l-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru 2013, u li l-konklużjonijiet tiegħu qed inpoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra.
Dan is-Summit kellu fuq l-aġenda tiegħu temi bħall-ekonomija diġitali, l-innovazzjoni u l-unjoni bankarja. Dwar l-immigrazzjoni llegali – problema li qed titfa piż sproporzjonat fuq pajjiżna u li qed twassal għat-tkissir ta’ mijiet ta’ familji bl-imwiet f’nofs ta’ baħar - oriġinarjament kien hemm biss linja waħda li eventwalment saret paragrafu. Xhieda tal-attitudni indifferenti, tal-istatus quo, li kien qed jiddomina għal tant snin u li ħadd qatt m’għoġbu jisfida.
Din id-darba Malta ma setgħetx toqgħod kwieta. Quddiem it-traġedji umanitarji li rajna quddiem għajnejna, fl-ibħra, jew aħjar ċimiterji, tagħna u ta’ pajjiżi viċin tagħna, we had to stand up to be counted.
U iva, Sur President, bil-ħidma tagħna f’dan il-Kunsill Ewropew, Malta reġgħet sabet leħinha. Il-leħen tar-raġuni. Il-leħen ta’ pajjiż li jaf il-limitazzjonijiet tiegħu imma li jaf ukoll li, minkejja li hu ċkejken fid-daqs, m’hu ħa jħalli lil ħadd jgħaddi minn fuqu.
Minn fejn tlaqna
Bdejna n-negozjati diffiċli f’dan il-Kunsill Ewropew bi żvantaġġ kbir, Sur President. Id-diskussjoni konkreta fl-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni llegali kienet nieqsa. Ħafna kliem iżda ftit li xejn azzjoni.
Meta ftit tas-snin ilu kien jinħass sew il-bżonn li l-Ewropa tintervjeni, l-Gvern preċedenti qabad u ffirma ftehim li permezz tiegħu ċeda l-idea tal-qsim ġust tal-piż u kkuntenta ruħu b’sistema volontarja bejn il-pajjiżi differenti. Dakinhar, il-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ llum kien qalilna li din se taħdem għaliex il-patt volontarju kien iffirmat mal-adulti, u mhux mat-tfal.
Ma ħadmitx, Sur President.
Kien minn dan il-punt li konna qed nibdew il-Ħamis u l-Ġimgħa li għadda. Sitwazzjoni ta’ pajjiżi Ewropej li, anke quddiem l-imwiet ta’ tant ommijiet u missirijiet, ta’ tant trabi u tfal, kienu qed jagħżlu li jibqħu jkaxkru saqajhom, kienu qed jagħżlu li jibqgħu ma jisimgħux is-sejħa ġenwina tagħna, minkejja l-kliem kollu tas-solidarjeta`.
L-approach tagħna
Sa mill-ewwel jiem tiegħu dan il-Gvern wera li se jindirizza l-kriżi tal-immigrazzjoni llegali b’mod differenti u b’mod aktar proattiv mill-leġislaturi passat. F’kull laqgħa li kelli fis-seba xhur li ili f’din il-kariga – mal-President tal-Kunsill Ewropew Herman van Rompuy, mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Ban ki Moon, mal-Prim Ministru Libjan Ali Zeidan, mal-Prim Ministru Taljan Enrico Letta, mal-Prim Ministru Grieg Antonis Samaras, għall-ewwel darba mad-Deputat Prim Ministru tas-Somalja Fawzia Yusuf Adam – dejjem tkellimt bl-istess mod. Malta ma tistax tibqa’ titħalla waħedha.
Mal-Unjoni Ewropea dejjem kont ċar ħafna. Kif aġixxiet meta qamet il-kriżi li affetwat il-finanzi tal-pajjiżi, kellha taġixxi meta eskalat il-kriżi li qed taffettwa l-ħajjiet tan-nies. F’dan il-kunsill Ewropew pajjiżna warrab il-kumpless ta’ inferjorita li kien hemm min għabbih biha għal ħafna snin. Ħaddieħor dejjem ried li Malta tbaxxi rasha. Ħaddieħor dejjem beża li jekk ma nkunux Signor Si, se nkunu kkritikati mill-barranin.
Le, Sur President, b’sens ta’ realiżmu, jien rajt li pajjiżna ma setax jibqa lura milli jsemma’ leħnu. Minn jiem qabel il-Kunsill Ewropew, dan il-Gvern iddeċieda li, anke jekk huwa l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea, jibda moviment bla preċedent dwar l-immigrazzjoni llegali. Saru bosta kuntatti bejn il-Gvern Malti u gvernijiet oħra.
Għall-ewwel, l-għajta tagħna favur azzjoni konkreta mill-Unjoni Ewropea sabet l-appoġġ tal-Greċja, u ftit wara tal-Italja. F’erbgħa u għoxrin siegħa kellna l-appoġġ ta’ sitt pajjiżi oħra – Franza, Spanja, Slovenja, Kroazja, Ċipru u Bulgarija. Kollha b’leħen wieħed.
Sur President, beda l-Kunsill Ewropew u dħalna għal laqghat bi ħmistax-il pajjiz li kienu qed jifhmu u jsostnu l-pożizzjoni tagħna. Min ħaseb li se nkunu iżolati, kien żbaljat.
Ir-riżultat li nkiseb
F’ħin partikolari tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew kien hemm qbil li, għall-ewwel darba, l-Unjoni Ewropea tikkometti ruħha bl-iswed fuq abjad li jridu jittieħdu deċizjonijiet ċari f’dan il-qasam. Pass ‘il quddiem iżda ma kontx sodisfatt. Għax kif għedt fil-ġimgħat li għaddew, ma kontx lest noħroġ sodisfatt minn dan il-Kunsill Ewropew jekk ma jtunix commitment utimeframe konkreta.
Għalhekk, lil sħabi l-Ewropej tlabthom jgħiduli meta se jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Bdew isemmu Ġunju iżda, ma qadtx nomgħod il-kliem, għedtilhom li Ġunju kien tard wisq. Konna se nkunu qed nerġgħu nipposponu l-problema. Malta, u l-grupp ta’ pajjiżi li rnexxilna nġibu magħna, mbuttajna li d-deadline għad-deċiżjonijiet ċari tkun Diċembru, mhux Ġunju. Sittin jum ieħor. U għednilhom lill-Unjoni Ewropea dan l-impenn irriduh bil-miktub. U hekk sar, Sur President.
Il-Kunsill Ewropew aċċetta l-proposta tagħna. Aċċetta l-insistenza tagħna li jkun hemm azzjoni urġenti, short-term. Hemm l-impenn li sa Diċembru li ġej iridu jittieħdu decizjonijiet operazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni llegali. U l-punti fattibbli ta’ Malta għal dawn id-deċiżjonijiet huma ċari u tondi.
Ewlenin fosthom li l-Frontex tassigura li n-nies li jiġu fostna u jkollhom l-applikazjoni għall-ażil rifjutata, jiġu rilokati fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom b’titjiriet fl-inqas żmien possibli. Fejn dak il-pajjiż ma joħrogx id-dokumenti għall-ivvjaġġar, tkun Malta li tapplika d-dritt li toħroġ dawn id-dokumenti u jiġu aċċettati. Aħna qed ngħidu li dan il-proċess irid jaqa’ taħt ir-responsabbilita’ tal-Unjoni Ewropea.
Punt fattibbli ieħor, Sur President. It-twaqqif ta’ sistemi tal-ażil viċin il-pajjiżi tal-oriġini biex l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru hemmhekk, u jekk jiġu rifjutati, l-persuni involuti jkollhom inqas inċentiv li jieħdu r-riskju li jaqsmu fl-ibħra.
Semmejna l-għajnuna li għandhom jingħataw pajjiżi tal-oriġini biex ikollhom rappreżentanza fiż-żoni tal-Mediterran milquta mill-problema. Semmejna riformi fil-mekkaniżmu tal-finanzjament biex pajjiżi bħal Malta ikollhom aċċess iktar faċli, u b’inqas burokrazija, għall-fondi disponibbli. Semmejna l-għajnuna li għandha tingħata lill-kontinent Afrikan għax nemmnu li l-Ewropa għandha responsabbilita’ storika f’dan ir-rigward.
Sur President, aħna nemmnu li l-Libja trid tkun involuta direttament biex nindirizzaw il-problema tal-immigrazzjoni llegali. Ir-rwol ta’ dan il-pajjiż fl-Afrika ta’ Fuq huwa kruċjali. Kien għalhekk li f’dan il-Kunsill Ewropew aħna sħaqna fuq il-bżonn li l-Ewropa taħdem b’mod aħjar mal-Libja, ma tħalliex lil-Libja ssir a failed state. Jekk xejn, bl-involviment ta’ organizazzjoni bħal Ġnus Maqgħuda li tgawdi fiduċja internazzjonali, nistgħu nissorveljaw aħjar ix-xtut tal-Libja minn fejn jitilqu ħafna mid-dgħajjes bl-immigranti wara li jkunu marru tajjeb, u tajjeb ħafna, gruppi ta’ kriminalita li jorganiżżaw dawn il-vjaġġi.
Sur President, l-approach iebes u proattiv ta’ Malta ħalla l-frott tiegħu. Minn sempliċi sentenza ta’ kondoljanzi lill-vittmi tal-immigrazzjoni llegali, spiċċajna f’impenn bil-miktub li se jitwettqu miżuri raġjonevoli biex ikun qsim ġust tar-responsabbilita’ bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Irrid ngħid li kien ta’ sodisfazzjon għaliha li, f’din il-ħidma, Malta kellha l-appoġġ tal-President tal-Parlament Ewropew. Martin Schulz għandu l-istess ideat ta’ dan il-Gvern dwar l-immigrazzjoni llegali, irid azzjoni deċiżiva. Huwa ta’ komfort għalija li Martin Schulz se jkun qed jikkontesta għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea u għalhekk l-ewroparlamentari Maltin li jiġu eletti f’Mejju li ġej jistgħu jivvutaw għall-ħabib ta’ pajjiżna li lest jiġbed l-istess linja ta’ pajjiżna dwar l-immigrazzjoni llegali.
Bl-istess mod inħossni komfortat mill-fatt li f’dan il-Kunsill Ewropew sibt l-appoġġ tal-Prim Ministri kollha soċjal-demokratiċi. Huwa sinjal b’saħħtu li dan il-familja qed tifhem ir-realta ta’ pajjiżna u qegħdin hemm biex tappoġjana. Issa sta għal ħaddieħor biex jagħmel xogħolu mal-gruppi politiċi tiegħu.
Temi Oħra
Tema oħra diskussa f’dan il-Kunsill Ewropew kienet l-ekonomija diġitali u l-innovazzjoni. Żewġ oqsma marbuta ma’ xulxin għaliex l-investiment fl-ekonomija diġitali tagħti lok għal aktar innovazzjoni madwar l-Ewropa. Ħareġ ċar li l-Unjoni Ewropea m’hijiex tisfrutta bl-aħjar mod l-opportunitajiet ekonomiċi li jeżistu fil-qasam diġitali. Fil-Kunsill Ewropew twassal messaġġ biex jissaħħaħ is-suq diġitali waħdieni sal-2015 bil-għan li jiġi żviluppat il-potenzjal tas-settur għal aktar tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ impjiegi. Il-Kunsill Ewropew qabel li jekk ikun hemm aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, tista tiżdied il-kompetittivita tal-Unjoni Ewropea u jitnaqqas id-distakk diġitali li l-Ewropa qed tiffaċja meta mqabbel ma’ kontinenti oħra fosthom l-Istati Uniti.
F’dan il-Kunsill Ewropew ġiet trattata wkoll il-kwistjoni tal-allegat ittapjar tat-telefonati tal-Kanċillier Angela Merkel mill-Istati Uniti. Il-Kunsill Ewropew saħaq fuq l-importanza tal-fiduċja bejn iż-żewġ naħat tad-dinja.
Dwar is-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona ewro, l-Kunsill Ewropew iffoka fuq kontribuzzjoni akbar tal-qasam tas-servizzi b’mod partikolari billi jiżdied l-aċċess tal-intrapriżi żgħar u medji għal skemi ta’ finanzjament.
Il-kapijiet tal-istati membri ddiskutew ukoll il-preparazzjonijiet għas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li se jsir f’Vilnius fit-28 u d-29 ta’ Novembru 2013. Il-President Van Rompuy qal li żewġ miri ta’ dan is-summit huma ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-Ukrajna u l-bidu ta’ ftehimiet simili mal-Gorġja u l-Moldova. Saret referenza wkoll għall-pressjoni mir-Russja vis-a-vis is-sħab tal-Lvant, b’mod partikolari l-Ukrajna. Intqal li hemm bżonn tal-bilanċ bejn il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tkun ċara mar-Russja dwar il-ħsibijiet tagħha għar-reġjun u l-ħtieġa li jintbagħtu messaġġi ċari lill-pajjiżi tal-Lvant dwar x’inhuma l-obligazzjonijiet tagħhom.
Konklużżjoni
Sur President, konvint li dan il-Gvern jinsab fuq in-naħa tas-sens komun, in-naħa tan-nies. F’dan il-Kunsill Ewropew, irnexxilna għax konna sodi. Għax ma kellniex sens ta’ inferjorita`. Dan huwa r-riżultat tal-pjan ċar tagħna għall-immigrazzjoni llegali. Għar-rieda qawwija tagħna li nindirizzaw, u nġibu l-għajnuna, biex nindirizzaw ir-racket kriminali wara din l-immigrazzjoni llegali.
F’Diċembru nistennew deċiżjonijiet deċiżivi li jindirizzaw din il-kriżi umanitarja. Jibqa’ f’pajjiżna min għandu d-dritt jibqa’ f’pajjiżna. Il-Libja trid tkun involuta bħala parti mis-soluzzjoni filwaqt li sħabna l-Ewropej iridu juru s-solidarjeta li dan il-poplu wera magħhom fil-kriżi finanzjarja.
Il-ballun jinsab fi ħdan l-Unjoni Ewropea li issa trid tipprova lilha nnifsha issa u żżomm kelmitha. Malta se tibqa’ tiġġudika bil-fatti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262035
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...
PR262034