PROĠETT UNIKU MIS-SANTWARJU NAZZJONALI TA’ PINU
Is-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu bħalissa għaddej bl-aħħar xogħlijiet biex tiġi kkonvertita f’mużew id-dar fejn kienet tgħix ix-xbejba Karmni Grima li semgħet issejħilha l-Madonna mill-Kwadru tagħha f’Ta’ Pinu. Dan il-proġett qed jiġi parzjalment iffinanzjat mill-UnjoniEwropea taħt il-Fondi ta’ Koeżjoni għal Malta 2007 – 2013. Ix-xogħol jikkonsisti wkoll f’restawr (li diġa tlesta) ta’ tnax-il pittura, xogħol l-artist Malti Ġużeppi Briffa. L-għajnuna ta’ fondi Ewropej li ngħatat hija ta’ 85% fuq proġett ta’ €400,000.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo żar id-dar ta’ Karmni Grima, fejn intlaqa’ mir-Rettur tas-Santwarju Fr. Gerald Buhagiar. Il-Ministru Anton Refalo tenna l-impenn tal-gvern li jippromwovi lil pajjiżna, l-aktar Għawdex, bħala destinazzjoni eċċellenti għat-turizmu kulturali u religjuż, niċeċ relattivament ġodda. Il-Ministru Refalo saħaq li l-Istrategija Nazzjonali dwar it-Turiżmu se tiddentifika pjan ċar għat-turizmu f’Għawdex.
Ix-xogħol fid-dar ta’ Karmni Grima li ħafna minnu ġa tlesta jikkonsisti f’xi xogħol strutturali, sistemi ġodda ta’ dwal, preżentazzjoni awdjo-viżiva tal-ħajja ta’ Karmni Grima u l-messaġġ li rċeviet mingħand il-Madonna, twaħħlu żewġ lifts biex il-kamamar fejn ser ikun hemm għal wiri affarijiet konnessi mal-ħajja ta’ Karmni Grima jkunu aċċessibili għal kulħadd. Twaħħlet ukoll sistema ta’ użu mill-enerġija solari biex hekk jitnaqqas il-ħela tal-enerġija u emissjonijiet tal-karbonju. Ir-Rettur tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu Dun Gerald Buhagiar spjega li l-ħsieb wara dan l-investiment huwa li l-mużew qed jiġi attrezzat kif jitolbu l-ħtiġijiet ta’ mużewijiet fid-dinja tal-lum u allura jiġbed turiżmu reliġjuż lejn pajjiżna b’enfasi lejn il-gżira ta’ Għawdex. “It-turiżmu reliġjuż huwa qasam importanti ferm fl-industrija turistika u diversi siti reliġjużi jgħinu mhux ftit lil dan is-settur fil-pajjiż fejn jinsabu. Huwa stmat li madwar 300 sa 330 miljun pellegrin iżuru siti reliġjużi madwar id-dinja.”
“Permezz tal-Mużew Dar Karmni Grima jinxtered iktar il-messaġġ li l-Madonna għaddiet lil din ix-xbejba sempliċi f’Ta’ Pinu. Ħafna mix-xogħol ta’ restawr twettaq mill-kuntratturi Baron Contracts li llum għandhom esperjenza vasta f’dan ix-xogħol”, tenna r-Rettur Dun Gerald Buhagiar.
Max-xogħolijiet li qed isiru fil-Mużew tlesta ukoll r-restawr ta’ tnax-il pittura ta’ Joseph Briffa li jinsabu riprodotti fil-mużajk ġewwa s-Santwarju Ta’ Pinu. Dan il-wirt artistiku juri tnax-il episodju mill-ħajja tal-Madonna u li kien sar bejn l-1948 u l-1952. Dan huwa t-tieni sett ta’ arti ta’ valur imprezzabli li s-Santwarju qed irodd lura bħala patrimonju nazzjonali biex ikun jista’ jitgawda minn kulħadd wara li kien tlesta wkoll ir-restawr fuq il-pittura ta’ Emvin Cremona. Ir-restawr tal-pittura ta’ Joseph Briffa ġie fdat f’idejn Fr Charles Vella u Joanna Hili Micallef. Il-mużew qed joqrob lejn l-aħħar fażi biex ikun miftuħ mill-ġdid għall-pubbliku.
Stqarrijiet Oħra:
PR262035
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...
PR262034