Left arrow Go Back

SENA REKORD GĦAT-TURIŻMU F’PAJJIŻNA...IL-MINISTRU KARMENU VELLA JĦABBAR ŻIEDA TA’ 5% F’SEAT CAPACITY GĦAX-XHUR TAX-XITWA LI SE SSARRAF F’DISPONIBILITÀ TA’ 100,000 SEAT AKTAR LEJN MALTA

pr2374
Date Icon 25/10/2013

Tintlaħaq iċ-ċifra ta’ 3.5 miljuni f’movimenti ta’ passiġġieri mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Is-sena 2013 mistennija tkun waħda rekord għal Malta fil-qasam turistiku fejn sa dan ix-xahar huwa stmat li pajjiżna diġà laħaq iċ-ċifra ta’ 3.5 miljuni fejn jidħlu movimenti ta’ passiġġieri mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Fl-istess ħin jirriżulta li pajjjiżna kellu t-tieni l-aħjar riżultati minn fost il-pajjiżi Ewropej wara t-Turkija fejn għandu x’jaqsam ma’ tkabbir fis-settur turistiku.

Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella akkumpanjat mill-ogħla uffiċjali tal-kumpanija MIA, l-Air Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti indirizza konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Fi kliem il-Ministru Karmenu Vella, dawn is-suċċessi miksuba mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jikkumplimentaw is-suċċessi li pajjiżna kellu fl-industrija turistika.

Kwota figuri uffiċjali li juru kif bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena, pajjiżna esperjenza żieda ta’ 9% f’dawk li huma wasliet ta’ passiġġieri u l-istess ammont f’żieda fid-dħul,  filwaqt li kienet irreġistrata żieda ta’ ftit aktar minn 9% fil-mija fejn jidħlu ljieli li qattgħu it-turisti f’Malta. Bl-istess mod ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru u possibilment anke Novembru mistennija jibqgħu b’saħħithom ukoll, bil-Ministru Vella jiddeskrivi dan bħala turija ta’ kemm f’pajjiżna qed tonqos id-diskrepanza staġjonali bejn ix-xhur tas-sajf u dawk tax-xitwa.

Il-Ministru Vella kwota wkoll statistika li turu kif matul din is-sena pajjiżna rreġistra tkabbir fis-settur turistiku mis-swieq kollha ħlief minn Spanja. Żidiet sinifikanti jinkludu fost l-oħrajn mill-Awstrija (44%), mir-Russja (20%), mill-Italja (14%), mill-Irlanda (12%), mill-Belġju (9%) u mill-Olanda u l-Iżvezja (8%).

Jirriżulta li pajjjiżna rreġistra żidiet kemm fl-ammont ta’ turisti li żaru ’l Malta għall-ewwel darba kif ukoll f’dawk li għażlu ’l pajjiżna bħala d-destinazzjoni tagħhom għal aktar minn darba. Jirriżulta li fl-ewwel għaxar xhur tas-sena pajjiżna esperjenza wkoll żieda ta’ 11% fl-ammont ta’ turisti msejħa independent travellers fejn jagħmlu l-arranġamenti għall-ivvjaġġar totalment waħedhom.

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella tkellem ukoll fuq il-ħidma li għaddej biha l-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MIA, l-Air Malta u l-MHRA sabiex ikun reġistrat titjib fit-turiżmu tax-xitwa. F’dan ir-rigward huwa ħabbar kif s’issa s-seat capacity għax-xitwa li ġejja żdiedet b’5% fejn f’termini reali din se ssarraf f’żieda ta’ 100,000 seat aktar (2-way) li se jkunu disponibbli għal Malta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci sostna li r-riżultati ferm pożittivi miksuba huma attribwiti għal ħidma ma taqta xejn li saret bejn l-istakeholders kollha involuti fis-settur turistiku. Semma’ kif għax-xhur tax-xitwa, mistennija joperaw linji tal-ajru ġodda li ma kinux qed itiru lejn Malta matul is-sena li għaddiet fosthom it-Turkish Airlines, u Monarch Air. Tkellem ukoll dwar l-impenn tal-Awtorità biex mhux biss tkun assikurata żieda fis-seat capacity iżda biex flimkien mal-Air Malta u mal-aġenti tal-ivvjaġġar, isir il-marketing neċessarju biex din iż-żieda tkun riflessa f’bejgħ ta’ sodod għal-lukandi.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti s-Sur Tony Zahra semma kif għas-sena d-dieħla diġà qed inħarsu lejn aktar żieda fin-numru ta’ turisti filwaqt li saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jibqa’ jkollu numru sostanzjali ta’ turisti fix-xhur tax-xitwa. F’dan ir-rigward fisser il-bżonn li Malta jibqa’ jkollha attivitajiet regolari li jservu ta’ attrazzjoni għat-turisti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Markus Klaushofer faħħar il-ħidma u l-koperazzjoni li kien hemm bejn dawk kollha involuti fis-settur turistiku biex setgħu jiinkisbu dawn ir-riżultati filwaqt li qal li l-kumpanija qed tħares ’il quddiem  biex tkompli tinvesti fil-prodott tagħha u tattira aktar turiżmu lejn Malta.

Iċ-Chief Commericial Officer tal-Air Malta Philip Saunders fisser kif il-linja nazzjonali Air Malta kellha sehem qawwi biex seta’ jintlaħaq dan ir-rekord. Semma kif matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru l-Air Malta kellha numru rekord ta’ forward bookings filwaqt li tkellem dwar id-diversi kampanji li għamlet il-kumpanija sabiex tattira turisti lejn Malta wara Awwissu.

Sadanittant, sabiex jitfakkar dan il-jum, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-YMCA Homeless Kids Project qassam lill-passiġġieri diversi t-shirts ikkuluriti, fl-istess ħin li erba’ bands lokali taw spettaklu mużikali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI     Il-Gvern jibqa’ determinat li jkompli jmexxi ’l quddiem il-wegħda elettorali ta’ 5 ijiem ta’ Family Violence Leave

PR262035

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

More Press Releases Right arrow