IL-GVERN HUWA IMPENJAT LI JKOMPLI JTEJJEB L-ATTRAZZJONIJIET TURISTIĊI F’PAJJIŻNA FOSTHOM FIS-SETTUR TAD-DIVING
Tiżdied attrazzjoni oħra għall-għaddasa f’Tas-Sliema – it-Tug Boat TUG 2
Is-settur tad-diving huwa ħolqa minn sensiela ta’ attrazzjonijiet turistiċi f’pajjiżna li l-gvern jinsab impenjat li jkompli jtejjeb sabiex jattira aktar turiżmu anke fix-xhur tax-xitwa.
Sostna dan il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella f’konferenza tal-aħbarijiet f’Tas-Sliema, ftit tal-ħin qabel ma’ bdiet operazzjoni fejn kienet mgħarrqa t-Tug Boat bl-isem ta’ TUG 2 u li se sservi ta’ attrazzjoni oħra għall-għaddasa.
Il-Ministru Vella semma kif din se tkun qed tiżdied ma’ bosta attrazzjonijiet oħra għall-għadds li għandna mifruxa mal-gżejjer Maltin u li saru fl-aħħar snin, bl-aħħar waħda tkun dik tal-patrol boat P31 ’il barra minn Kemmuna.
Karmenu Vella kwota statistika tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li turi kif mas-27% tat-turisti li jiġu Malta biex jgħoddsu jagħżlu li joqogħdu f’Tas-Sliema, u żied li għaldaqstant, attrazzjoni bħal din mistennija tkun popolari sew ma’ din il-faxxa ta’ turisti. Barra minn hekk, proġett bħal dan se jagħmilha aktar faċli biex jikber in-numru ta’ għaddasa li jipprattikaw dan l-isport fl-akwata ta’ Tas-Sliema.
Il-Ministru għat-Turiżmu semma kif dawn it-tip ta’ proġetti jirrikjedu preparamenti minn ħafna żmien qabel speċjalment fejn jidħlu permessi mal-MEPA, tindif tal-bċejjeċ tal-baħar li jkunu se jitniżżlu taħt l-ilma, kif ukoll monitoraġġ kontinwu tal-impatt li dawn iħallu sabiex ikun assigurat li dan ikun wieħed pożittiv.
Qal li filwaqt li proġett bħal dan huwa stmat li se jkun sewa mal-€75,000 dan jitqies bħala investiment fil-prodott turistiku, fl-istess ħin li ħabbar kif il-gvern se jkun impenjat li jkompli jżid dawn it-tip ta’ attrazzjonijiet.
Il-Ministru Vella ħabbar kif fiż-żmien li ġej se jkunu mistħarġa proposti biex jiżdied l-ammont ta’ ħut li jabita fl-ibħra ta’ madwarna.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia qal li s-settur tad-diving kulma jmur qed ikompli jikber fejn jirriżulta kif f’temp ta’ għaxar snin, l-ammont ta’ turisti li ġew f’pajjiżna biex jieħdu sehem f’attività ta’ diving żdied b’madwar 30,000.
Semma kif fl-aħħar snin kienet reġistrata wkoll żieda fin-numru ta’ skejjel tad-diving, fejn fil-preżent dawn jammonta għal total ta’ 46 skola, 33 f’Malta u 13 f’Għawdex, bil-maġġoranza tagħhom huma fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
F’dan ir-rigward semma kif fil-futur qarib se jkun qed jitnieda Diving Institute li se jkun inkorporat fil-proġett tal-Akkwarju li qiegħed isir fil-Qawra.
Dr Gulia tkellem fuq l-attenzjoni speċjali li l-Awtorità għat-Turiżmu qed tagħti biex jitjiebu s-servizzi għall-għaddasa fosthom bil-proġetti li saru fl-inħawi ta’ Qawra Point fejn sar tisbieħ kostali kif ukoll f’Wied iż-Żurrieq, żona oħra importanti ħafna mal-għaddasa fejn insibu l-bastiment Um El Faroud.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci ddeskriva n-niċċa tad-diving bħala waħda importanti li ta’ kull sena tattira mat-80,000 turist lejn il-gżejjer Maltin.
Semma kif il-proġett tat-TUG 2 sar b’ħidma mal-assoċjazzjoni tal-għaddasa l-PDSA, fejn se sservi ta’ attrazzjoni oħra artifiċjali li tikkumplimenta n-numru ta’ attrazzjonijiet naturali li bħala pajjiż nistgħu noffru għall-għaddasa.
Intant, l-operazzjoni biex it-Tug Boat TUG 2 tintnizzel f’qigħ il-baħar bdiet għall-ħabta tas-sebgħa ta’ dalgħodu fejn din kienet irmunkata mill-Marsa sal-kosta ta’ Tas-Sliema fl-akwata tal-Exiles fejn ġiet stazzjonata madwar mitt metru ’l barra.
It-TUG 2 b’tul ta’ 30 metru b’9.5 metri għoli tniżżlet f’fond ta’ madwar 22 metru ftit qabel il-ħdax ta’ filgħodu fil-preżenza ta’ bosta għaddasa u turisti.
Fl-operazzjoni assistew ukoll id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili permezz tal-lanċa Grimaldi li akkumpanjat l-għarqa tat-TUG 2 bi tfigħ tal-ilma, membri tal-Armata flimkien mal-Pulizija tal-ALE.
It-TUG 2 li kienet inbniet fit-Tarzna ta’ Malta lura fl-1975 oriġinarjament kienet proprjetà tal-kumpanija Kalaxlokk sakemm fis-sena 2000 din inxtrat minn kumpanija privata. Din il-patrol boat issa tingħaqad mal-10 bċejjeċ oħra tal-baħar li ġew mgħarrqa fl-aħħar għoxrin sena u li jikkonsistu kif ġej:
• MV Rozi
• Patrol Boat P29 fiċ-Ċirkewwa
• Um El Faroud f’Wied iż-Żurrieq
• Imperial Eagle fil-Qawra Point
• MV Xlendi, MV Cominoland, MV Karwela fix-Xatt l-Aħmar (Għawdex)
• Tug Boat 10 u Tug Boat St Michael f’Żonqor Point Marsaskala
• Patrol Boat P31 ’il barra minn Kemmuna
Stqarrijiet Oħra:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028