IL-CUSTOMER CARE SERVICE REVIEW SE JSIR BIEX IL-GVERN IKOLLU STAMPA ĊARA TA’ DAK LI JAĦSEB IL-POPLU MALTI
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes ħabbar aktar dettalji dwar il-customer care service review li se jkun qed isir min-naħa tal-Gvern fil-ġimgħat li ġejjin. Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem l-isptar ta’ San Franġisk f’Ta’ Qali, is-Segretarju Parlamentari qal li bħala Gvern li jisma’, is-Segretarjat ħass li kellu jieħu xi tip ta’ azzjoni minħabba l-ilmenti li qed jirċievi dwar dan l-isptar tal-annimali.
L-Onorevoli Roderick Galdes qal li l-istħarriġ ser ikun qed isir bit-telefon u se jkunu involuti 500 persuna minn madwar Malta u Għawdex. Ser ikun qed jitħabbar ukoll indirizz tal-email biex il-pubbliku jkun jista’ jibgħat l-ilmenti tieħgu fuqu. Semma li l-iskop ewlieni tal-istħarriġ hu li titnieda iktar informazzjoni, b’mod l-aktar professjonali dwar dak li jaħseb il-pubbliku ġenerali dwar l-isptar San Franġisk. Fakkar li dan inbena mit-taxxi tan-nies b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun Ewro.
Għamel referenza għall-pagamenti li qed jitħallsu mill-animal welfare, meta fil-ftehim mal-amministrazzjoni preċedenti kien li, d-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, ma kellux jibda jħallas meta jmur b’annimali feruti mit-triq. Roderick Galdes qal li l-medja li dan id-dipartiment qed iħallas kull sena hi ta’ madwar 80,000 Ewro. Qal ukoll li kellu diversi laqgħat ma’ NGOs differenti li lmentaw dwar il-prezzijiet skonthom għoljin, kull darba li jieħdu xi annimal minn tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes temm jgħid li San Franġisk għandu jkun affordibbli għal kulħadd u inkluż għall-pensjonanti u dawk bil-paga minima.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028