“HEMM BŻONN LI S-SETTURI EKONOMIĊI U AMBJENTALI JAĦDMU FLIMKIEN BIEX L-AMBJENT MARITTIMU JSERVI TA’ ĊAVETTA GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI”– IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent fil-Lussemburgu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li hemm bżonn li s-setturi ekonomiċi u ambjentali jaħdmu flimkien biex l-ambjent marittimu jservi ta’ ċavetta għall-iżvilupp sostenibbli.
Huwa tenna li l-bilanċ xieraq jintlaħaq meta jiġu indirizzati l-potenzjal ekonomiku tal-ibħra tal-madwar, u hawnhekk fejn tidħol il-Blue Growth Agenda, dan iżda b’sinerġija ma’ politika favur il-Green Growth.
Il-Ministru Leo Brincat appella biex ikun hemm aktar riċerka u monitoraġġ intensiv biex din il-kollaborazzjoni tagħti r-riżultati meħtieġa. Qal li bħalissa pajjiżna qed isegwi mill-qrib proċess ibbażat fuq l-eko sistemi, fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Barċelona. Biex dan jirnexxi hemm bżonn kollaborazzjoni aktar fil-qrib mill-istati mhux membri tal-Unjoni Ewropeja tal-Mediterran.
Il-Ministru qal li l-kollaborazzjoni bejn id-diversi setturi tista’ tirnexxa biss jekk jiġi implentat dak li jissejjaħ Spatial Planning marittimu bejn is-setturi kollha. U dan dejjem skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi konċernati.
F’intervent ieħor dwar l-iżvilupp sostenibbli l-Ministru Leo Brincat qal li pajjiżna jappoġġja qafas għal wara s-sena 2015 li jista’ jwassal biex il-Millenium Development Goals jiżviluppaw f’Sustainable Development Goals u li juru għarfien għall-ħtiġijiet globali, reġjonali, nazzjonali u anke lokali. Dan kollu f’oqsma ambjentali, ekonomiċi, soċjali u kulturali.
Huwa qal li biex dan il-proċess jirnexxi hemm bżonn konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa li tinkludi s-soċjeta’ ċivili u s-setturi kummerċjali u dawk tan-negozju.
Il-Ministru Brincat f’kumment wara l-laqgħa wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-pożizzjoni ta’ Malta favur d-dritt għall-ħajja ġiet innutata u inkluża fil-minuti tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent u dan fil-kuntest ta’ stqarrija dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-bżonn ta’ rispett għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028