STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR JOSEPH MUSCAT DWAR IL-POLITIKA TAL-GVERN FIR-RIGWARD TAL-KONNETTIVITÀ BEJN MALTA U GĦAWDEX
Sur President
Nixtieq naġġorna lil Kamra dwar tal-politika tal-Gvern fir-rigward tal-konnettività bejn Malta u Għawdex.
Dan il-Gvern għandu mandat ċar sabiex jesplora l-possibilitajiet ta’ kif jista’ jżid din il-konnettività. Fil-fatt, il-Manifest Elettorali li ppreżentajna lil poplu jgħid li “Ser nagħmlu l-akbar sforz li qatt sar biex nindirizzaw bis-serjetà l-isfida tal-aċċessibbilità ghal Għawdex. Nemmnu li b’ aċċessibbilità aħjar, Għawdex jista’ verament isir mutur ekonomiku.
L-istrateġija tagħna hija dik li naġixxu mingħajr dewmien sabiex nesploraw il-possibiltajiet li jeżistu, nistudjawhom, imbagħad niddeċiedu dwarhom wara konsultazzjoni adegwata.
Nixtieq li nagħti informazzjonui dwar il-possibiltajiet differenti li qed nikkunsidraw bħalissa sabiex inzidu l-konnettività:
1. L-introduzzjoni ta’ fast-ferry service bejn il-Port tal-Imġarr u l-inħawi tal-Port il-Kbir. Qegħdin nistudjaw il-possibiltà ta’ Public Service Obligation li permess tagħha l-Gvern jiffinanzja parti minn din l-operazzjoni. Huwa ċar li parti sostanzjali mill-passiġġiera li jirkbu l-vapur ta’ Għawdex lejn Malta kmieni filgħodu, imbagħad jaqbdu s-servizz tat-trasport pubbliku u anki jivvjaġġaw permezz ta’ karozzi personali, ikunu diretti lejn l-inhawi tal-Belt Valletta.
Għalhekk, servizz bħal dan jista’ jaqta parti mill-konġestjoni tat-traffiku li tkun ġejja mit-Tramuntana tal-pajjiz. Ovvjament, għandna nistudjaw ukoll il-possibiltà ta’ konnessjoni bil-baħar bejn Għawdex u Sqallija li fis-snin li ġejjin tista’ tiftaħ suq turistiku ġdid. Dwar dan iżda se nkomplu nimxu b’kawtela.
La semmejt it-trasport pubbliku, irrid ngħid li ġbidna l-attenzjoni ta’ Transport Malta u l-operatur dwar ilmenti ta’ sikwit ta’ nuqqas ta’ kordinazzjoni bejn is-servizz tal-Gozo Channel u dak tal-Arriva. Ma jistax ikun ikollna ilmenti dwar karozzi tal-linja li jitilqu meta passiggieri jkunu lanqas għadhom niżlu mill-art.
Irridu naraw ukoll li l-operatur isolvi s-sitwazzjoni assurda fejn biex studenti Għawdxin jaslu l-Università, ikollhom l-ewwel jitilgħu l-ajruport.
2. It-tieni possibiltà li qed neżaminaw hija dwar konnessjoni bl-ajru permezz ta’ helicopter. Irridu mhux biss servizz charter, li fil-verità jista’ jinbeda anki minnufih minħabba li hemm interess sostanzjali, izda wkoll wieħed bi skeda.
Irrid ngħid li ninsabu disgustati bit-telqa li tħalla fiha l-heliport ta’ Għawdex wara li ġie abbandunat is-servizz tal-helicopter mill-Gvern preċedenti. Dan l-iżdingar jixhed it-telqa li tħalliet fiha din il-gżira.
3. It-tielet possibiltà hija li nintroduċu servizz ta’ ajruplan żgħir bi skeda bejn iż-żewġ Gżejjer. Bħalissa qed neżaminaw jekk dan ikunx ifisser li jkollha bżonn titwal ir-runway, u jekk iva, b’kemm. Din hija kunsiderazzjoni essenzjali biex naraw x’impatt ambjentali jista’ jkun hemm.
Esperti qed jgħidulna li hemm il-possibiltà li l-estenzjoni ma tkunx tal-konkos iżda tat-turf, b’ajruplani li jinżlu faċilment fuq dan it-tip ta’ terran.
Għalhekk qed nitolbu aktar informazzjoni preliminari iżda nagħmilha ċara li l-ebda deċiżjoni għadda ma ttieħdet, u li l-aspett ambjentali se jkollu piż kbir f’dan ir-rigward.
Irrid inżid li konnessjoni bl-ajru, jekk issir, ittaffi u mhux issolvi l-problema tal-konnettività. Tgħin fit-turiżmu u ivjaggar ippjanat, izda mhix soluzzjoni għal Għawdxin u Maltin li jaqsmu bejn iż-żewġ Gżejjer ta’ kuljum.
4. F’dan il-kuntest, ir-raba’ possibiltà hija dik ta’ mina bejn iż-żewg Gżejjer. Din il-possibiltà beda jsir xoghol fuqha taħt amministrazzjoni precedenti, minkejja li ma ssemmietx fl-aħħar baġit tal-leġislatura l-oħra.
Sur President, nikkonferma lil din il-Kamra li l-Gvern fuq parir tal-Ministeru ta’ Għawdex u tal-Ministeru tal-Infrastruttura, il-Gvern iddeċieda li jibqa’ għaddej bl-istudju ta’ fattibilità dwar din il-mina.
Saret applikazzjoni biex parti mill-ispejjeż jitħallsu minn Fondi Ewropej filwaqt li parti oħra titħallas mill-Gvern Malti. Tajjeb li ngħid li l-istudju mistenni jeżamina tipi oħra ta’ konnessjoni.
It-tender mistenni joħroġ sa tmiem din is-sena. Sa’ issa jidher li l-mina ikollha tibda mill-inħawi tal-Għadira u tiżbokka fuq in-naħa l-oħra ta’ Għawdex.
5. Il-possibiltà l-aktar riċenti hija dik ta’ pont. Din il-possibiltà tqajjmet mill-Gvern Ċiniż f’diskussjonijiet li kellna riċentament. Li se jsir huwa li l-parti dwar il-mina se tiġi prioritiżżata.
Dan l-interess wassal biex il-kumpanija tal-Gvern Ċiniż, China Communications Construction Company (CCCC) tidħol f’diskussjonijiet mal-Gvern Malti dwar dan il-proġett u investimenti oħra.
Id-diskussjonijiet wasslu għal ftehim li ġie ffirmat nhar il-Ġimgħa bejn id-Deputat Prim Ministru Louis Grech u l-Viċi President ta’ CCCC is-Sur Zhang Baozhang.
Permess ta’dan il-ftehim, il-Gvern Malti nnegozja biex il-kumpanija tal-Gvern Ċiniż tagħmel u tħallas hi minn butha għal studju ta’ fattibiltà li huwa stmat li jiswa madwar €4 miljun.
Il-ftehim jagħmilha ċara li ma hemm l-ebda obbligu mill-Gvern Malti li jibni dan il-pont, li anki jekk niddeċiedu li nibnuh ma jfissirx li dan isir minn CCCC, u li r-regoli kollha Ewropej jiġu segwiti.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim.
Sur President, dan il-Gvern se jara li jsiru mhux biss studji ta’ fattibilità strutturali u finanzjarja, iżda ukoll dawk ta’ xeħta ambjentali, ekonomika u soċjali.
L-għan tagħna huwa li dan il-proċess ikun lest mingħajr dewmien, biex wara jiġu analizzati l-konkluzjonijiet, tingħata l-informazzjoni kollha u ssir konsultazzjoni popolari li twassal għal deċiżjoni.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028