Left arrow Go Back

L-EWWEL MITT JUM

pr1283
Date Icon 18/06/2013

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar tliet inizjattivi ġodda li se jittieħdu mill-Gvern waqt li ta rendikont tal-ħidma li saret fl-ewwel mitt jum mill-ħatra.

Il-Prim Ministru ħabbar il-ħatra tal-avukat Michael Falzon bħala l-Kummissarju kontra l-Burokrazija. Huwa qal li l-avukat Falzon se jkollu l-inkarigu li jagħrbel u jara l-proċessi amministrattivi tal-gvern bil-għan li tinqata’ sa 25 fil-mija tal-burokrazija f’pajjiżna.

Ħabbar ukoll li l-Gvern se jaħtar Kunsill Konsultattiv għan-nofsinhar ta’ Malta sabiex jiffoka espressament fuq il-bżonnijet tan-naħa t’isfel tal-pajjiz.

Il-Prim Ministru żvela li l-qasam tal-ġustizzja se jinfatam mill-Ministeru għall-Intern u Sigurta Nazzjonali u se jaqa’ taħt l-Uffiċju tal-Prim Ministru. Il-miżura se tittieħed bi qbil mal-Ministru Mallia u wara li l-Gvern irrifletta u ta widen għal kritika li kienet saret fil-bidu tal-ħatra. Dr Muscat ħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin is-Segretarju Parlamentari Dr Owen Bonnici se jkun qed juri r-riżultati ta’ studju dwar il-qasam tal-ġustizzja li sar mill-Management Efficiency Unit

Kisbiet u inizjattivi

Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru elenka wkoll il-kisbiet u l-inizjattivi li ħadet l-amministrazzjoni l-ġdida fl-ewwel mitt jum fosthom:

-          il-Global Residence Programme;

-          il-ħruġ tal-espressjoni ta’ interess tas-Shipbuilding fil-Marsa;

-          l-espressjoni ta’ interess għal bini ta’ cruise liner terminal f’Għawdex;

-          It-tnaqqis fit-tariffi tal-MEPA;

-          l-estensjoni tal-permessi tal-bini;

-          il-permessi biex lukandi jkunu jistgħu jibnu sa żewġ sulari oħra fuq il-binja eżistenti tagħhom;

-          l-istudju ieħor li qed isir dwar il-bini ta’ pont bejn Malta u Għawdex;

-          it-tnedija tal-proċess biex sa’ Marzu li ġej jorħsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma sabiex tingħata imbuttatura lill-ekonomija u l-impjiegi;

-          żieda ta’ żewġ miljun Ewro fil-boroz ta’ studju għall-istudenti;

-          nefqa ta’ 15-il miljun Ewro oħra fit-tiswija tal-iskejjel;

-          tnedija tal-istrateġija nazzjonali kontra l-illitteriżmu;

-          id-dħul tal-kunċett co-education fil-qasam edukattiv;

-          il-bidu tat-twettieq tal-istrateġija Jobs Plus sabiex ikun hemm child care centres b’xejn għal kulħadd;

-          fil-qasam tal-libertajiet ċivili l-Gvern irtira l-każ kontra Joanne Cassar li issa hija rikonoxxuta bħala mara u tista’ tizzewweġ;

-          il-ħolqien ta’ kunsill konsultattiv biex iniedi is-civil unions;

-          id-dritt tal-vot għal dawk ta’ 16-il sena fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali;

-          il-parteċipazzjoni tal-poplu b’konsultazzjoni bla preċedent mal-Gvern fit-teħid ta’ deċiżjonijiet;

-          ir-remunerazzjoni tal-ministri reġgħet fl-istess bħal qabel ma kienet ingħatat iż-żieda ta’ 500 Ewro fil-ġimgħa fl-amministrazzjoni preċedenti;

-          it-tneħħija tal-preskrizzjoni f’każi ta’ korruzzjoni politika għal politiċi u dawk kompliċi magġhom.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern irid issa jdaħħal standards ġodda għal membri parlamentari sabiex il-politika tkun aktar nadifa.

X’wiret il-Gvern

Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru qal li mal-kisba tal-gvern, l-amministrazzjoni tiegħu ma sabet l-ebda tip ta’ rispett istituzzjonali għall-bidla f’amministrazzjoni ġdida. Il-gvern sab pajjiz li ma kienx lest għal transizzjoni ta’ poter u ħafna affarijiet kellhom jsiru mix-xejn. Huwa saħaq li l-kredu tiegħu huwa li l-amministrazzjoni jkollha persuni gejjin mill-oqsma kollha tas-socjeta li jkunu lesti jaħdmu mal-gvern anke jekk jistghu ma jaqblux miegħu.

Il-gvern ma tkellimx ħafna dwar il-problemi li sab għax ma kellux l-għan li joqgħod jilmenta. Il-Prim Ministru ħabbar li l-gvern se jagħti rendikont oġġettiv permezz ta’ awditjar dwar x’sab u min ser jerfa’ responsabbiltà tas-sitwazzjoni kaotika li wiret f’bosta setturi tat-tmexxija pubblika fejn il-gvern preċedenti waqaf jiffunzjona

fl-aħħar sena kaġun tal-kriżi fil-parlament.

Il-Prim Ministru, filwaqt li rrefera għat-tnaqqis li kien hemm fin-nies li qed jirreġistraw għax-xogħol, qal li l-inizjattivi li ttieħdu għandhom juru lin-nies li hemm fiduċja fl-ekonomija; li n-nies se jkollhom aktar flus fil-but; li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jorħsu; u li jkun hemm opportunitajiet aħjar tax-xoghol. Filwaqt li wera d-diżappunt tiegħu li mhux is-settur pubbliku kollu fehem l-istrateġija tal-gvern kontra x-xogħol prekarju, ħabbar li fiż-żmien li ġej, il-gvern se jippreżenta fl-MCESD l-istrategija tiegħu kontra l-prekarjat. Dr. Muscat wera t-tama li din tkun appoġġjata mil-MCESD kollu.

Bidliet meħtieġa

Il-Prim Ministru qal li l-impenn tiegħu, waqt li jkompli jara bidliet infrastrutturali politiċi u ekonomiċi, se nkun mitfugħ ukoll fuq kwistjonijiet personali speċjalment dwar inġustizzji li saru fl-aħħar 25 sena mill-gvern preċedenti. Qal li f’diversi entitajiet pubbliċi twaqqfu units li se jeżaminaw akkużi ta’ inġustizzji. Il-Prim Ministru qal li daħal għall-inkarigu biex ikun Prim Ministru ta’ kulħadd u lest jieħu deċiżjonijiet, anke dawk mhux popolari, sabiex tinbidel il-mentalità tal-pajjiż. Waqt li ssir ġustizzja ma’ dawk li sofrew l-inġustizzji hemm bzonn li l-pajjiz jibda paġna ġdida sabiex uliedna ma jsofrux minn aktar inġustizzji.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

More Press Releases Right arrow