“IL-GVERN MALTI HUWA SODISFATT LI L-UNJONI EWROPEA QEGĦDA TAGĦRAF LI GŻEJJER ŻGĦAR U R-REĠJUN TAL-MEDITERRAN HUMA VULNERABBLI GĦAT-TIBDIL FIL-KLIMA” – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat jinsab il-Lussemburgu għall-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent fejn qed tkun diskussa l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tibdil fil-Klima.
Meta kien qiegħed jindirizza dan il-Kunsill, il-Ministru Leo Brincat wera s-sodisfazzjon tal-Gvern Malti għall-fatt li l-Unjoni Ewropea qegħda timbotta ‘l quddiem il-punt li gżejjer żgħar, u flimkien magħhom ir-reġjun tal-Mediterran, huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima.
Huwa qal li l-istess jista’ jintqal għall-fatt li l-Unjoni Ewropea qegħda tirrikonixxi li wieħed irid dejjem iqis problemi speċifiċi u realtajiet differenti li għandu kull stat membru, żgħir jew kbir, meta wieħed jitkellem dwar adattazzjoni għat-tibdil tal-klima.
Il-Ministru Leo Brincat qal li f’pajjiżna tliet oqsma ewlenin li jistgħu jintlaqtu direttament huma t-turiżmu, l-biedja u l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma.
Qal li l-ġrajjiet li seħħew ftit tal- jiem ilu biss f’ħafna pajjiżi Ewropej huma tifkira traġika ta’ kemm l-impatt tat-tibdil fil-klima jista’ jkun ta’ theddida għaċ-ċittadini.
Il-Ministru Leo Brincat għadda l-kondoljanzi tal-Gvern Malti lill-familji kollha li l-qraba tagħhom mietu fl-għargħar riċenti li kien hemm fl-Ewropa. Żied jgħid li dan għandu jsaħħaħ l-impenn tal-pajjiżi Ewropej biex flimkien u b’determinazzjoni jaħdmu għall-strateġija dwar l-adattazzjoni għat-Tibdil fil-Klima.
Il-Ministru Brincat qal li hemm bżonn li l-istrateġiji nazzjonali dwar l-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima jissarrfu fi pjani ta’ azzjoni konkreti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028