‘CUSTOMER SATISFACTION REVIEW’ GĦAĊ-ĊENTRU SAN FRANĠISK
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali fl-ewwel 100 jum tiegħu fil-Gvern diġà beda jaħdem fuq l-ilmenti tal-pubbliku dwar iċ-Ċentru ta’ San Franġisk permezz ta’ tnedija ta’ ‘customer satisfaction review’ dwar iċ-ċentru veterinarju li jinsab ġewwa Ta’ Qali.
Is-Segretarjat ħabbar li qed iniedi stħarriġ indipendenti dwar l-operat taċ-Ċentru San Franġisk għall-Ħarsien tal-annimali sabiex ikun stabbilit il-livell u l-kwalità ta’ servizz mogħti mill-imsemmi Ċentru u bil-mira li s-servizzi mogħtija miċ-Ċentru jitjiebu. Il-Gvern sa mill-bidu tal-leġiżlatura jrid li jsir eżerċizzju pubbliku sabiex janalizza l-ilmenti tan-nies, jara jekk l-ilmenti humiex ġustifikati u jidentifika kif iċ-Ċentru jista’ jaqdi aħjar lill-pubbliku.
Tajjeb li jitfakkar li ċ-Ċentru tal-annimali nbena minn fondi pubbliċi, u l-Gvern il-ġdid fit-twettieq tal-wegħdiet elettorali tiegħu, fosthom li jkun Gvern li jisma’ u li jtejjeb is-servizzi amministrattivi, qed iniedi kampanja ta’ konsultazzjoni pubblika sabiex b’mod fattwali jiddetermina l-ħtiġijiet tal-pubbliku bħala parti minn pjan ta’ titjib fl-operat ta’ dan iċ-Ċentru.
L-informazzjoni miġbura minn dan l-istħarriġ xjentifiku u ndipendenti ser tkun qed tintuża għal skopijiet ta’ ġbir ta’ statistika u analiżi tal-operat taċ-Ċentru San Franġisk. Informazzjoni miġbura fl-istħarriġ se tkun qed titqies bħala waħda kunfidenzjali.
Sadanittant, permezz ta’ ittra uffiċjali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili l-operatur preżenti taċ-Ċentru San Frangisk, il-veterinarju Dr. Trevor Zammit, talab li ma ssirx il-Customer Satisfaction Review u wissa li qed iżomm lis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali responsabbli għal kwalunkwe danni li huwa jista’ jsofri.
Is-Segretarjat iqis li l-konsultazzjoni mal-pubbliku dwar l-operat taċ-Ċentru San Franġisk permezz tal-Customer Satisfaction Review hija eżerċizzju demokratiku tad-dritt ta’ espressjoni dwar materja ta’ interess pubbliku u nazzjonali. F’dan il-kuntest, b’reazzjoni għall-ittra uffiċċjali tal-veterinarju Dr Trevor Zammit, is-Segretarjat Parlamentarji informa li r-review se tkompli u li mhux aċċettabbli li l-pubbliku jinżamm milli jsemma’ leħnu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028