L-ISPEAKER L-ONOREVOLI ANĠLU FARRUGIA RĊIEVA ŻJARA TA’ KORTESIJA MINN ASSOCIAZIONE NAZIONALE INSIGNITI ONOREFICENZE CAVALLERESCHE
Waqt laqgħa li l-Ispeaker tal-Kamra ta’ Deputati, l-Onorevoli Anġlu Farrugia kellu fl-Uffiċċju tiegħu fil-Parlament dalgħodu ma madwar ħamsa u għoxrin soċju tal-Assoċjazzjoni ta’ persuni li rċevew dekorazzjoni tal-Ordni Kavalleresk mingħand l-istat Taljan mmexxija mis-Senatur Carlo Giovanardi, l-iSpeaker semma’ r-rabtiet u l-ħbiberija speċjali bejn Malta u l-Italja li jmorru lura sekli sħaħ.
Bħala l-President tal-Kamra tad-Deputati, l-Onorevoli Farrugia stqarr li huwa kien qed jagħmel ħiltu sabiex ir-relazzjonijiet tal-Parlament Malti jiġu estiżi anki mal-parlamenti reġjonali u mas-soċjetà ċivili. L-Ispeaker tenna li kien laqa’ bil-ferħ t-talba li saritlu mill-Ambaxxatur Taljan sabiex l-Assoċjazzjoni tagħmillu żjara ta’ kortesija, għaliex minn din iż-żjara kien qed jieħu l-opportunità biex jirreċiproka r-rispett liċ-ċittadini Taljani li kienu ġew dekorati b’insinji varji minn pajjiżhom.
Is-Senatur Taljan Carlo Giovanardi, li huwa l-President tal-Assoċjazzjoni Taljana, tenna kif pajjiżu, tul iż-żminijiet, ħadem sabiex jippromwovi proġetti ta’ fejda kemm għall-Italja stess kif ukoll għal barra mill-Italja. Dan kollu żgur li ma ntesiex mill-Maltin. Is-senatur Giovanardi tenna li huwa biżżejjed li wieħed jagħti ħarsa lejn ir-rikkezzi li bih mogħni l-Palazz li ħafna minnhom jirrafiguraw il-prinċipji bażiċi ta’ mġieba tajba u korrettezza li tant saħqu fuqhom il-Kavallieri ta’ Malta, u li huma sagri għall-istess Assoċjazzjoni tiegħu. Kien għalhekk li ġie deċiż li l-Konvenju annwali tal-Assoċjazzjoni din is-sena jinżamm bejn Sqallija u Malta. L-istorja ta’ Malta hija l-istorja tal-Italja anki għat-Taljani, għaliex bħala Ewropej u Mediterraneji, nitkellmu b’vuċi waħda, u nħossu b’qalb waħda. Is-solidarjetà bejnietna tintwera permezz tar-rabtiet mill-qrib li għandhom iż-żewġ pajjiżi ma’ xulxin, kif kien għadu kif tenna l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onorevoli Anglu Farrugia.
Preżenti kien hemm l-Ambaxxatur Taljan għal Malta l-Eċċelenza Giovanni Umberto De Vito.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028