IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN, DR. GEORGE VELLA, JILTAQA’ MAL-BORD TAD-DIPLO FOUNDATION
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr. George Vella, dalgħodu ltaqa’ ma’ Membri tal-Bord tad-Diplo Foundation, fondazzjoni mwaqqfa bi sħab fl-2002 bejn il-Gvernijiet ta’ Malta u tal-Iżvizzera.
Matul din il-laqgħa kien spjegat u diskuss is-sehem kruċjali li qegħdin jagħtu l-Gvernijiet ta’ Malta u l-Iżvizzera fl-attivitajiet u x-xogħol li d-Diplo Foundation qed tagħmel. Din il-fondazzjoni tħarreġ diplomatiċi u tispeċjalizza f’taħriġ on-line, e-diplomacy u Internet Governance, taħriġ li jwassal il-parteċipanti għall-livell ta’ Masters fl-Università ta’ Malta fid-Diplomazija Kontemporanja u fl-Internet Governance.
Id-Diplo Foundation tgawdi minn firxa kbira ta’ parteċipazzjoni ’l fuq minn 2250 diplomatiku, uffiċjali u esperti minn 189 pajjiż madwar id-dinja li bbenefikaw jew qed jibbenefikaw mill-korsijiet u attivitajiet tagħha. Ħafna minn dawn l-attivitajiet huma indirizzati lejn diplomatiċi minn pajjiżi gżejjer żgħar li qegħdin jiżviluppaw u għal dan il-għan tħarrġu ’l fuq minn 511 diplomatiċi minn dawn il-pajjiżi.
Id-Diplo Foundation għandha wkoll ftehim ta’ kooperazzjoni bilaterali ma’ diversi pajjiżi, fosthom l-Italja, l-Afrika t’Isfel, il-Messiku, l-Eġittu, u l-Ażerbaijan, waqt li żammet taħriġ fil-Maldives, Moldova, Serbja, Bahrain u Armenja. Il-Fondazzjoni ser tagħti s-sehem u l-esperjenza tagħha fir-riċerka politika, analiżi u l-iżvilupp tal-Global Internet Policy Observatory imħabbra ftit jiem ilu mill-Unjoni Ewropea u li hija mmirata sabiex tkabbar il-parteċipazzjoni globali fid-dibattiti u diskuzzjonijiet dwar il-politika tal-Internet.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm l-Ambaxxatur Alexandre Fasel, Rappreżentant Permanenti tal-Iżvizzera għall-Uffiċċju tal-Gnus Magħquda f’Ġinevra, l-Ambaxxatur Saviour F. Borg, u Dr. Jovan Kurbalija, Fundatur u Direttur tad-Diplo Foundation.
Stqarrijiet Oħra:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028