Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U TIBDIL FIL-KLIMA

pr1273
Date Icon 17/06/2013

Il-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm f’ Malta u f’Għawdex

Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima, jagħmel referenza għal numru ta’ artikli li dehru riċentament fuq diversi mezzi tal-midja. Kontra dak li ġie rrapurtat, id-Direttorat jixtieq jiċċara li fl-ebda mument ma nżammet lura xi informazzjoni dwar il-preżenza tal-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm ġewwa Għawdex.

L-infezzjoni ta’ dan l-insett ġiet irrappurtata fil-gżira ta’ Għawdex f’Ottubru tal-2012. Immedjatament, u wara li saru l-ispezzjonijiet neċessarji, il-gżira ta’ Għawdex ġiet iddikjarata bħala żona dimarkata permezz tal-Avviż Nru. 1083 fuq il-Gazzetta tal-Gvern Nru. 18,982 bid-data 26 ta’ Ottubru, 2012. B’dan l-iżvilupp ġiet ukoll informata l-Unjoni Europea u l-pajjżi membri kollha, kif kien obbligat li jagħmel id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti.

Dan l-insett  instab l-ewwel darba f’Malta fl-2007. Fl-2008 l-istess Direttorat ippreżenta pjan ta’ azzjoni għall-kontroll ta’ dan l-insett li daħal fis-seħħ fl-istess sena.  Dan il-pjan jiġi emendat kull sena kif meħtieġ wara li jittieħdu u jinħarġu r-riżultati tas-sorveljanza u monitoraġġ li jsiru mill-istess Direttorat. Bħala parti minn dan il-pjan, minn qabel ma nstab dan l-insett f’Għawdex, din il-gżira kienet taħt programm ta’ monitoraġġ u għalhekk saru diversi spezzjonijiet. Ġew installati diversi nases bil-feromoni madwar il-gżira sabiex jekk ikun hemm preżenza ta’ dan l-insett, id-Direttorat ikun mgħarraf mill-ewwel. Meta dan l-insett instab, l-istess Direttorat żied in-numru tal-ispezzjonijiet sabiex jiġu identifikati siġar li għandhom xi sintomi ta’ infezzjoni. L-istess Direttorat ħa l-passi kollha neċessarji sabiex siġar infettati jinqalgħu mill-aktar fis possibli, jew sabiex jiġu mbexxa (bħala kura) u għalhekk imfejqa. L-istess miżuri ġew ukoll introdotti ġewwa Kemmuna wara s-sejba riċenti ta’ dan l-insett.

Id-Direttorat sa mill-bidu tas-sejba ta’ dan l-insett f’Għawdex, żamm l-awtoritajiet kif ukoll il-pubbliku infurmat. Aktar kmieni din is-sena intbagħtet kommunikazzjoni lil dawk kollha li huma responsabbli mill-palm, u li għandhom siġar tal-palm fil-proprjetà tagħhom (skont ċensiment li sar ftit tas-snin ilu), fosthom il-Kunsilli Lokali, uffiċjali mil-Ministeru għal Għawdex, entitajiet pubbliċi u privati, residenti privati ġewwa Għawdex li ddikjaraw mad-Direttorat li għandhom is-siġar tal-palm, kif ukoll dawk kollha li jkabbru dawn is-siġar (nurseries). B’kollox intbagħtu 546-il kommunikazzjoni (permess ta’ ittri jew imejls) ġewwa Għawdex. Id-Direttorat flimkien mal-Ministeru għal Għawdex organizza ukoll seminar sabiex tingħata aktar informazzjoni fuq kontroll aħjar ta’ dan l-insett.

Ta’ min wieħed jgħid li d-Direttorat huwa impenjat bis-sħiħ sabiex dan l-insett jibqa’ taħt kontroll. Dan huwa wkoll possibbli grazzi għall-koperazzjoni tal-pubbliku li hu mitlub li meta jara siġar tal-palm infettat dan javża lid-Direttorat sabiex jiġi ggwidat fuq il-miżuri adekwati li għandu jieħu. In-numri tat-telefon fejn wieħed jista’ jirrapporta dawn il-każijiet huma 22927454 jew fuq freephone 80072310. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

Aktar Stqarrijiet Right arrow