Left arrow Mur Lura

IS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAL ANZJANITÀ ATTIVA SE JAPPROVA LIĠI KONTRA L-ABBUŻ FUQ L-ANZJANI

pr1266
Date Icon 15/06/2013

Is-Segretarjat Palramentari għall-Anzjanità Attiva se jkun qiegħed japprova liġi kontra l-abbuż fuq l-anzjani.

Dan ħabbru l-Onor. Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Anzjanità Attiva meta għalaq is-seminar “Rajt ma Rajtx... Smajt ma Smajtx – L-Abbuż fuq l-Anzjani organizzat mill-Maltese Association for The Prevention of Elder Abuse (MAPEA) bħala parti mill-Jum Dinji għall-Ħarsien kontra l-Abbuż fuq l-Anzjani.

Dr Mercieca qal li dan jagħtina l-opportunità biex nirriflettu fuq id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-aktar setturi vulnerabbli ta’ ċittadini anzjani.

Huwa sosnta li l-abbuż, l-abbandun, u l-vjolenza kontra l-anzjani kemm fid-djar residenzjali u anke f’istituzzjonijiet, huma aktar prevalenti minn kemm naħsbu li verament huma. Skont stimi tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, jirriżulta li madwar 5% tal-anzjani minn madwar id-dinja jsofru minn xi forma ta’ abbuż, fosthom abbużi fiżiċi, emozzjonali, finanzjarji, u xi kultant anke abbużi ta’ natura sesswali. Dan jimplika li ta’ kull sena, mijiet ta’ eluf ta’ anzjani jisfaw abbużati, abbandunati u sfruttati.

L-Onor. Segretarju Parlamentari sostna li pajjiżna mhux xi eċċezzjoni għal dawn ix-xejriet. Minkejja l-fatt li rapporti ta’ abbużi fuq anzjani huma minimi, huwa sostna li r-realtà hija xort’oħra. Dr Mercieca rrefera għal riċerka avvanzata li saret mill-Università ta’ Malta li turi bl-aktar mod ċar li l-abbuż fuq l-anzjani huwa aktar prevalenti minn kemm naħsbu li hu. Huwa semma wkoll li bħal f’kuntesti internazzjonali oħrajn, illum jirriżulta li n-nisa anzjani jisfaw abbużati aktar mill-irġiel u li fil-biċċa l-kbira l-vittmi jkollhom 70 sena jew aktar. Din il-kategorija ta’ anzjani tinsab ukoll fin-naħa t’isfel tal-istatus soċjo-ekonomiku u huma relattivament anzjani dgħajfa u dipendenti. Apparti dan, id-dejta tikkonferma kif dawk li jwettqu abbużi fuq l-anzjani huma fil-biċċa l-kbira ħbieb jew qraba tagħhom li ġeneralment huma responsabbli għal tali abbużi.

Dr Mercieca sostna li s-Segretarjat qiegħed jikkommetti lilu nnifsu biex isaħħaħ l-inizjattivi disponibbli ta’ prattiċi tajbin lejn strateġiji ta’ prevenzjoni effettivi kontra l-abbuż fuq l-anzjani li diġà jeżistu fid-djar residenzjali tal-Gvern. Minkejja dan, is-Segretarjat Parlamentari qal li se jmur lil hinn minn hekk, billi se jassigura li pajjiżna jkollu liġijiet aktar b’saħħithom li jindirizzaw u jiġġieldu l-aspetti kollha tal-abbuż fuq l-anzjani. Tant hu hekk li se jkun qiegħed jibda x-xogħol legali fuq l-introduzzjoni ta’ leġislazzjoni biex issaħħaħ il-prevenzjoni u tidentifika l-abbuż fuq l-anzjani, l-abbandun, u l-isfruttament, kif ukoll ir-rispons tas-soċjetà.

“L-għan ta’ dan is-Segretarjat Parlamentari huwa li Malta jkollha liġijiet li jipproteġu l-anzjani tagħna minn abbużi minn qraba u professjonisti, kemm fil-komunità u kemm f’istituzzjonijiet residenzjali. Fl-istess waqt se nilleġislaw biex inħarxu l-pieni fil-konfront ta’ dawk li jwettqu abbuż fuq l-anzjani,” temm jgħid l-Onor. Segretarju Parlamentari Dr Franco Mercieca.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

Aktar Stqarrijiet Right arrow