PARLAMENT TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ “OPPORTUNITÀ OĦRA FEJN IŻ-ŻGĦAŻAGĦ ISSEMMU LEĦINHOM”- STEFAN BUOMTEMPO
F’konferenza stampa fil-Palazz tal-President il-Belt, is-Segretarju Parlamentari għar -Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, l-Onor. Stefan Buontempo qal li l-Parlament huwa l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u huwa post fejn kulħadd għandu l-opportunità li jiddibatti b’mod ħieles.
Għalhekk il-Parlament taż-żgħażagħ li għal darb’oħra ser jkun organiżżat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) ser jagħti lok lil madwar 160 żagħżugħ u żagħżugħa li jsemmu leħinhom fil-parlament.
“Din l-attività torbot tajjeb mal-pjanijiet li qed jaħdem fuqhom il-Gvern li jniżżel l-età tal- vot għall-16-il sena fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali,” qal Stefan Buontempo.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo tenna li l-komunitajiet tagħna saru aktar kumplessi u aħna bħala politiċi rridu nirrikonoxxu t-tibdil socio-kulturali tal-komunitajiet tagħna. Għalhekk din l-attività li qegħdin jorganiżżaw il- KNZ hija ħolqa oħra mill-katina bejn il-politika u l-parteċipazzjoni attiva. Huwa l-għan prinċipali tal-Gvern tagħna li nkomplu nagħtu aktar responsabilità liż-żgħażagħ tagħna.
It-temi magħżula għal din l-edizzjoni tal- Parlament taż-żgħażagħ huma: l-importanza tal-isport f'pajjiżna, is-sistema edukattiva, l-involviment taż-żgħażagħ fis-soċjeta' tal-lum, ġustiżżja aktar effettiva u riflettiva tas-soċjetà tal-lum, ix-xogħol prekarju fost iż-żgħażagħ u l-IVF.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li dawn il-proposti ser ipoġġu liż-żgħażagħ fuq il-mappa tad-deċiżjonijiet għaliex id-deċiżjonijiet tal-preżent ħa jaffettwaw il-futur tagħhom. Barra min hekk huwa importanti li l-adulti u anke aħna l-politiċi nħallu l-ispazju biex iż-żgħażagħ taghna jkun kreattivi fid-deċiżjonijiet tagħhom. ‘Din hija attività edukattiva li se sservi biex iż-żgħażagħ isiru jafu iktar dwar kif jiffunzjona l-parlament u kif taħdem demokrazija,’ kompla Stefan Buontempo.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo awgura li minn din l-edizzjoni tal-Parlament taż-żgħażagħ joħorġu proposti interessanti biex b’hekk iż-żgħażagħ, bl-inizjattivi tagħhom ikunu jistgħu jipparteċċpaw b’mod attiv fis-soċjetà bl-iskop li jkollhom ċittadinanza attiva kemm f’pajjizna u anke f’ambjent Ewropew.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028