e-ANZJAN
F’Konferenza tal-aħbarijiet li ttellgħet ġewwa dar tal-anzjan fiż-Żejtun, is-Segretarju Parlamentari responsabli mill-Kultura u Kunsilli Lokali, l-Onor. Josè Herrera vara l-inizjattiva e-Anzjan. Din l-inizjattiva qegħda tittella’ mis-settur privat bl-appoġġ tal-Kunsilli Lokali u huwa proġett immirat lejn Anzjani 60+ u li qed ikun mniedi din is-sena ġewwa din il-lokalità. Preżenti għal din il-Konferenza kien hemm ukoll is-sindku taż-Żejtun is-Sur Joe Attard.
L-Onor Herrera saħaq fuq l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ inizjattivi għall-ġid tas-soċjetà. Huwa impenn tal-Gvern li s-soċjetà Maltija tkun infurmata u mgħallma fuq l-użu tal-kompjuter u mezzi moderni ta’ kuntatt u kommunikazzjoni għaliex huwa pass importanti fid-demokratizzazjoni ta’ pajjiżna. “Dan il-proġett huwa fil-linji gwida tal-Gvern biex ikattar il-kommunkazzjoni eletronika biex b’hekk ikollna soċjetà aktar moderna u effiċjenti. Nemmnu li l-anzjani huma parti integrali fis-soċjetà tagħna, u f’dinja hekk moderna rridu nagħtu wkoll iċ-ċans lill-anzjani biex huma wkoll ikunu parti minn dan il-fenomenu diġitali. Ninkoraġixxu inizjattivi bħal dawn fejn entitajiet privati jagħtu l-kontribut tagħom fis-soċjetà sabiex joħolqu servizzi ta’ dan it-tip u li jgħinu sabiex ikollna soċjetà aktar inklużiva. L-iskop tal-lum mhux biss li invaraw din l-inizzjattiva, izda li nħajru lokalitajiet oħra li jieħdu l-eżempju. ”
Għal din l-inzjattiva’ ġie installat eAnzjan MINI-LAB f’din id-dar tal-anzjani. eAnzjan huwa tagħlim b’differenza. F’dawn il-minilabs ġie installat apparat li jipprovdi faċilità ta’ komunikazzjoni bħal ma’ hi l-iSKYPE.
Tlett anzjani ġew nominati bħala E-Anzjan BUDDIES u li dawn għandhom l-irwol li jifhmu u jgħallmu lil sħabhom anzjani f’dan is-sit permezz ta’ l-istess minilab. It-tagħlim ikopri suġġetti diġitali bażiċi bħal ma’ hu l-FACEBOOK, EMAIL u SKYPE.
Preżenti għall-Konferenza stampa kien hemm ukoll is-Sindku taż-Żejtun li tenna l-importanza ta’ dan it-tip ta’ faċilitajiet f’kommunitajiet bħal dawn li normalment mhux bilfors huma assoċjati ma’ dan it-tip ta’ servizz. “Qatt mhu tared biex l-anzjan jitgħallem u għalhekk nemmnu li hemm potenzjal fl-anzjani biex jimbarkaw fuq inizjattivi ta’ dan it-tip. Irridu li l-anzjani jikkomunikaw ma’ qrabathom u sħabhom.”
Din l-inizjattiva hija mtella’ mit-TCTC b’għajnuna mill-Intercomp u b’kollaborazzjoni tal-Kunsilli Lokali u s-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028