Left arrow Mur Lura

CULTURE CARD TITQASSAM LIL STUDENTI TAS-SITT SENA

pr1261
Date Icon 15/06/2013

L-istudenti kollha li qed jispiċċaw is-sitt sena tal-iskola primarja se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-użu tal-Culture Card li sal-lum kienet mgħotija biss lil studenti ta’ bejn l-ewwel u t-tielet sena tal-iskola sekondarja. B’din l-inizjattiva, il-benefiċjarji tal-Culture Card qed jiżdiedu  b’madwar 5,000 student biex b’hekk in-numru ta’ studenti li jistgħu jużaw il-Culture Card issa jilħaq ’il fuq minn 15,000.

L-iskema tal-Culture Card, li issa dieħla fit-tielet sena skolastika tagħha, hija maħsuba biex tagħti aċċess usa lil tfal Maltin u Għawdxin għal prodotti u esperjenzi kulturali ta’ kwalità. Dan japplika b’mod speċjali fejn l-aċċess kien ristrett minħabba diffikultajiet finanzjarji fejn tfal u ġenituri kienu jsibu l-prezz t’avvenimenti u prodotti kulturali projbittivi.  Dan tħabbar dalgħodu minn Dr Josè Herrera, Segretarju Parlamentari responsabbli għall-kultura flimkien ma’ Dr Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport f’attività li saret fl-iskola Primarja ta’ Ħal Safi.

Is-Segretarju Paralamentari l-Onor. Buontempo saħaq li skemi bħal dawn jgħinu biex jikkultivaw il-kreattività fit-tfal tagħna. Il-Kreattività hija importanti jekk pajjiżna jrid jimxi ‘l quddiem. Malta trid tkun leader u mhux follower ta’ pajjiżi oħra għalhekk irridu nrawwmu t-tfal tagħna jaħsbu b’mod differenti, b’mod indipendenti.

L-avvenimenti kollha miftuħin għat-tfal waqt il-Festival tal-Arti li se jkun qed isir bejn it-30 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Lulju huma kollha kemm huma miftuħa għal ħlas bil-Culture Card, apparti attività taċ-ċirku artistiku li se tkun b’xejn għal udjenzi żgħażagħ. Fl-istess ħin il-Culture Card tista’ tintuża għall-biljetti tad-dħul għas-siti storiċi kollha ta’ Heritage Malta. Hekk kif jerġa’ jiftaħ l-istaġun tat-teatru u tal-mużika f’Settembru, l-Orkestra Nazzjonali, it-Teatru Manoel, u ċ-Ċentru tal-Kreattività ta’ San Ġakbu, fost oħrajn, se jkollhom programm sħiħ ta’ attivitajiet li jindirizzaw lill-istudenti, u l-Culture Card ukoll tkun tista’ tintuża f’okkazjonijiet bħal dawn.

Għan importanti ieħor tal-iskema huwa li jinċentivizza aktar produzzjonijiet ta’ kwalità għal udjenzi żgħażagħ. Għaldaqstant huwa maħsub illi hekk kif id-domanda għall-prodotti kulturali tiżdied mill-faxxa ta’ studenti li jużaw il-Culture Card, l-artisti u l-produtturi jkabbru l-portfolio tagħhom ta’ prodotti maħluqa speċifikament għal udjenzi ta’ bejn id-disgħa u t-tlettax-il sena, l-etajiet tal-utenti tal-Culture Card.

Kull Culture Card iġġorr valur monetarju ta’ €15 li jistgħu jintużaw għal avvenimenti kulturali ta’ kull tip. Mis-sena akkademika 2013-2014 se jiġi varat servizz ta’ Top Up online li jippermetti l-utenti jżidu l-ammont fuq il-Culture Card tagħhom b’kemm jixtiequ.

Il-Culture Card tikkumplimenta l-iskema tal-KREATTIV li permezz tagħha skejjel u kulleġġi jissieħbu ma’ artisti u organizzazjonijiet kulturali sabiex joħolqu programmi kulturali ta’ valur għall-istudenti tagħhom għal matul sena skolastika sħiħa. Il-proġetti ta’ KREATTIV  jiffukaw fuq esperjenzi fl-ispazju tal-iskola filwaqt li avvenimenti fejn tista’ tintuża l-Culture Card  jistgħu ikunu anke barra mill-iskola.

Aktar dettalji dwar il-Culture Card jistgħu jinkisbu mis-sit www.culturecard.net jew fuq email culturecard.mot@gov.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

Aktar Stqarrijiet Right arrow