INĦARSU ’L QUDDIEM! GVERN KOMMESS GĦAL ANZJANITÀ AKTAR ATTIVA
Malta, bħal kull pajjiż Ewropew ieħor qed tesperjenza popolazzjoni li dejjem qiegħda tixjiħ. Din il-bidla demografika hi l-konsegwenza inevitabbli ta’ żewġ kisbiet ewlenin: mortalità mnaqqsa ħafna, u għalhekk għomor dejjem itwal. Malta aktar anzjana tippreżenta quddiemna bosta sfidi bħal nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol, iżjed impenn għas-servizzi tas-saħħa, aktar fondi għall-pensjonijiet, iżjed talbiet għal servizzi soċjali, u tibdil sostanzjali tal-operat tal-għajxien tagħna biex nassiguraw li l-anzjani jgħixu ħajja aktar attiva.
Ħafna anzjani jilqgħu l-isfida tal-anzjanità b’ottimiżmu, iżda oħrajn jiltaqgħu ma’ probelmi ta’ mard u esklużjoni soċjali. Il-verità hi li x-xjuħija hija kkaratterizzata minn affarijiet pożittivi u oħrajn inqas pożittivi. Ħafna persuni ’l fuq minn 60 sena jsibu iżjed ħin liberu, hekk kif jirtiraw mix-xogħol u t-tfal imorru jgħixu għal rashom. Min jagħżel li jingħaqad fi programmi edukattivi, oħrajn f’xogħol volontarju, u saħansitra oħrajn jagħżlu li jgħinu lit-tfal tagħhom billi jieħdu ħsieb in-neputijiet. Imma fl-istess ħin, ma rridux ninsew li ħafna anzjani jiffaċċjaw diversi ostakoli. Mard kroniku bħal osteoporosi u artrite, problemi fiżiċi bħal mard tal-qalb, u nuqqas ta’ saħħa mentali bħad-dimensja, huma kollha sfidi li ħafna anzjani jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom biex igawdu kwalità ta’ ħajja pożittiva.
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, l-Onor. Franco Mercieca, huwa kommess li jagħmel l-almu tiegħu kollu biex jgħin l-anzjani jgħixu ħajja aktar pożittiva u attiva. Għandna kemm għandna żmien, xorta nistgħu nagħmlu l-parti tagħna fis-soċjetà u ngawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar. L-isfida hi li nisfruttaw il-potenzjal enormi li għandhom dawk il-persuni f’età aktar avvanzata. Is-Segretarjat Parlamentari jagħraf tliet sfidi ewlenin għal anzjanità aktar attiva.
Sfida ewlenija hija li minkejja l-età tagħna rridu nibqgħu nħossuna aktar sodisfatti fl-impjieg tagħna. Aktar ma’ jikbru, ħafna jibżgħu li mhux se jkunu jistgħu jibqgħu fl-impjieg tagħhom jew isibu xogħol ieħor sakemm ikunu jistgħu jirtiraw b’pensjoni diċenti. Dan jeħtieġ sforz kollaborattiv bejn Ministeri diversi sostnut b’numru ta’ strateġiji bħal per eżempju iżjed tagħlim tul il-ħajja u l-kisba ta’ ħiliet ġodda, kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol, amministrazzjoni ta’ strateġiji favur ħaddiema anzjani, servizzi għal dawk li qed ifittxu impjieg, u miżuri kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età.
Sfida oħra hi li nippromwovu iżjed parteċipazzjoni fis-soċjetà. Il-kontribut ta’ persuni aktar anzjani lejn is-soċjetà bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor, tipikament lejn il-ġenituri jew il-konjuġi tagħhom u n-neputijiet huma spiss injorati. Is-Segretarjat Parlamentari jiżgura rikonoxximent akbar ta’ dak li l-anzjani jġibu lejn is-soċjetà billi joħolqu aktar kondizzjonijiet ta’ appoġġ għalihom bħal per eżempju pensjonijiet xierqa, appoġġ għall-parteċipazzjoni soċjali u l-volontarjat, appoġġ għall-persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor, rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-kura, kif wkoll innaqqsu l-firda diġitali.
Fl-aħħar imma mhux l-inqas, għalkemm saħħitna tonqos hekk kif aħna nixjieħu, hemm ħafna li jista’ jsir biex nilħqu miri iżjed ogħla ta’ xjuħija b’saħħitha. It-tixjiħ attiv ifisser li jkollna l-possibbiltà hekk kif nikbru biex inkunu nistgħu nibqgħu responsabbli għal ħajjitna stess għall-itwal żmien possibbli. Promozzjoni aħjar tas-saħħa u kura preventiva għandha tikkonsisti f’akkomodazzjoni addattata, trasport aċċessibbli u mhux għali, prodotti u servizzi kemm ta’ kura soċjali u ta’ saħħa, aktar awtonomija fil-kura fit-tul, u mmodifikar fit-teknoloġija biex tinkoraġġixxi għajxien indipendenti.
Is-Segretarju Parlamentari qal “biex nagħlaq nixtieq nifraħ mill-qalb lill-membri tal-Fondazzjoni Xjuħija Malta li fil-ħin liberu tagħhom għażlu li jwaqqfu din l-assoċjazzjoni biex taħdem u ssaħħaħ il-kwalità tal-għajxien tal-anzjani f’Malta. Jien persważ li l-Fondazzjoni Xjuħija Malta għandha futur twil ta’ ħidma kontinwa u li żgur se tkun attur prinċipali fl-iżvilupp tal-politika soċjali għal dak li għandu x’jaqsam ma’ għajxien fit-tul, biex b’hekk jiġi żgurat li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tkun tiflaħ għat-test tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.”
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028