STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U T-TIBDIL FIL-KLIMA
Il-Gvern huwa kommess li jimplimenta l-proġett tal-Għallis u jara li n-nuqqasijiet tekniċi li hemm fl-impjant ta’ Sant Antnin ma jiġux ripetuti f’dan il-proġett
L-istqarrija li ħareg il-Partit Nazzjonalista dwar dak li ntqal mill-Ministru Leo Brincat fil-laqgħa pubblika ta’ nhar it-Tnejn li għadda f’Kastilja, ma hija xejn ħlief attentat fjakk u patetiku biex jgħatti nuqqasijiet serji tal-amministrazzjoni Nazzjonalista preċendenti fit-tħaddim tal-impjant ta’ Sant Antnin, u fil-mod difettuż kif ġie strutturat tul is-snin l-impjant propost tal-Għallis.
Mhuwiex minnu li l-proġett tal-Għallis jinsab wieqaf u jekk hemm dewmien fih dan huwa dovut għall-fatt li tul is-snin il-WasteServ innifisha ġieli damet żmien twil biex tissottometti tagħrif korrett, meħtieġ mill-Unjoni Ewropea, għall-ko-finanzjament tal-proġett u ġieli anke għaddiet figuri mhux kompluti.
Il-Gvern huwa kommess li jimplimenta l-proġett tal-Għallis, filwaqt li jara li nuqqasijiet tekniċi li hemm fl-impjant ta’ Sant Antnin ma jiġux ripetuti fil-proġett tal-Għallis.
Fil-laqgħa ta’ nhar it-Tnejn il-Ministru Leo Brincat ikkonferma l-ħtieġa ta’ dan il-proġett, aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li l-impjant ta’ Sant Antnin naqas li jaħdem u jitħaddem kif suppost, anke f’qasam essenzjali bħal dak tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-iskart.
Dan kien ikkonfermat illum stess mill-Prof. Edward Mallia meta qal li l-impjant ta’ Sant Antnin bil-kemm qed jiġġenera terz tal-enerġija li suppost qed jipproduċi. Tant li skont l-istess Prof. Mallia dan in-nuqqas serju se jkollu riperkussjonijiet nazzjonali anke biex nilħqu l-miri ta’ enerġija nadifa.
Il-Gvern kien ikun populista li kieku qabad u ħa deċiżjonijiet mgħaġġla u nieqsa mill-għaqal. Minflok għażel it-triq tal-bżulija u kummissjona studji indipendenti dwar l-operat tal-impjanti kollha tal-WasteServ ħalli jiġi stabbilit kemm u jekk tħaddmu kif suppost.
Il-Gvern b’sens ta’ responsabbiltà għażel it-triq, li flok iħott dak li seta’ ġie mfassal b’tant aktar għaqal, poġġa l-interess nazzjonali l-ewwel. Kif mexa b’mod kostruttiv f’oqsma oħra ambjentali l-Gvern qiegħed u ser ikompli ifittex li jimxi b’sens ta’ kontinwità ħalli la jisfratta proġetti u lanqas itellef fondi mill-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern huwa impenjat li fl-iqsar żmien possibli jindirizza d-defiċenzi fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart li ġew identifikati anke mill-Aġenzija Ewropea Ambjentali f’Marzu li għadda, fejn ħareġ ċar li għadna ferm ’il bogħod milli nilħqu ċertu miri stabbiliti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028