LAQGĦA BEJN IL-MINISTRU TAL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI EMMANUEL MALLIA U L-GENERAL WORKERS’ UNION
F’laqgħa mal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-General Workers’ Union enfasizzat fuq id-dritt li l-korpi dixxiplinati jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom. Minn naħa tiegħu il-Ministru Emmanuel Mallia qal li l-Gvern hu kommess biex jagħti dan id-dritt hekk kif ġie mwiegħed fil-Manifest Elettorali. Il-Ministru Mallia qal li diġà bdew it-taħditiet mal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija bl-għan li dan id-dritt jiġi offrut lill-Korpi Dixxipinati kollha mill-aktar fis possibbli. Bħalissa qed issir ħidma fuq il-qafas legali għal dan id-dritt.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union filwaqt li apprezza l-messaġġi kontinwi li qed jintbagħtu mill-Gvern preżenti li x-xogħol prekarju mhux permissibbli, ħeġġeġ lill-Ministru Emmanuel Mallia biex jadotta din it-tip ta’ politika fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu. Tony Zarb fakkar kif fi ħdan il-General Workers’ Union hemm ukoll komunità Għarbija u għalhekk semma’ l-problemi li jiffaċċjaw l-immigranti minħabba x-xogħol prekarju. Il-Ministru Mallia qal li l-Gvern huwa kontra x-xogħol prekarju. Filwaqt li wiegħed li ser jagħmel minn kollox biex jara li fl-ebda dipartiment ma jingħatawx kuntratti b’xogħol prekarju, qal li minn naħa tiegħu diġà aċċerta li xogħolijiet li kellhom isiru fil-bini tal-Ministeru isiru minn persuni li ma jħaddmux bil-prekarjat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028