L-ONOR. EDWARD ŻAMMIT LEWIS IŻUR L-UFFIĊĊJU EWLIENI TA’ MELITA
Waqt żjara mis-Segretarju Parlamentari għall-Kompettitività u t-Tkabbir Ekonomiku l-Onor. Edward Zammit Lewis fl-uffiċċju ewlieni ta’ Melita fl-Imrieħel, il-kumpanija nediet internet aktar veloċi f’pajjiżna li jlaħħaq veloċità ta’ 250 megabit kull sekonda. B’hekk Melita qegħda aktar minn tirdoppja l-veloċità massima tal-internet li toffri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita, Andrei Torriani, spjega li dan is-servizz jista’ jibda jintuża minn din il-ġimgħa stess f’zoni speċifiċi fejn teżisti domanda qawwija għal din it-tip ta’ veloċità, fosthom Tigné Point u Fort Cambridge. Lokalitajiet oħra se jkunu jistgħu jibdew jużaw dan is-servizz fi ftit taż-żmien ieħor.
Is-Sur Torriani spjega li Malta qed timxi max-xejriet internazzjonali, li juru aktar nies jużaw l-internet fl-istess ħin permezz ta’ devices differenti bħalma huma l-ismartphones u t-tablets. Barra minn hekk, hemm miri stabbiliti mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Aġenda Diġitali li trid tintlaħaq sal-2020. Bl-investimenti li wettqet Melita f’dan il-qasam, Malta diġa’ rnexxielha tilħaq tnejn mit-tlett miri tal-Unjoni Ewropea, ħafna snin qabel iż-żmien.
Fiż-żjara li għamel, is-Segretarju Parlamentari ltaqa’ mal-management ta’ Melita kif ukoll ma’ wħud mill-450 impjegat tal-kumpanija minn taqsimiet differenti, fosthom fit-taqsima tal-Customer Care li fl-aħħar ġimgħat kompliet tissaħħaħ biex jittejjeb is-servizz lill-klijenti.
Mill-2007 ‘l hawn, Melita nvestiet 75 miljun Ewro fi proġetti differenti filwaqt li fil-ħames snin li ġejjin, Melita se tinvesti 60 miljun Ewro oħra biex tkompli ssaħħaħ l-infrastruttura tagħha. B’riżultat ta’ dawn l-investimenti, il-kumpanija żiedet l-impjegati tagħha b’65% għal 450 persuna.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-kumpanija Melita hija eżempju ċar ta 'investiment kontinwu, fejn bdiet bħala operatur tal-cable u kabbret in-negozju tagħha f'setturi differenti. Bir-riżultat li llum toffri firxa sħiħa ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni inklużi telefonija mobbli u dik fissa kif ukoll servizzi tal-broadband. Dan l-investiment wassal ukoll għal-titjib tanġibbli għall-kwalità tas-servizzi li jgawdu minnhom l-poplu Malti kif ukoll fi tnaqqis fil-prezzijiet fis-settur.
L-Onor Żammit Lewis saħaq li dan is-settur huwa wieħed li kontinwament jiżviluppa b'pass mgħaġġel, immexxija prinċipalment minn żviluppi teknoloġiċi u dan jitlob qafas regolatorju dinamiku biex jakkomodaw realtajiet emerġenti.
Iċ-Chairman ta’ Melita, Joseph A. Gasan, qal li sa mit-twaqqif tal-kumpanija fl-1991, Melita dejjem kienet fuq quddiem nett fl-iżvilupp tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni f’pajjiżna, liema servizzi wasslu biex illum Malta tgawdi minn infrastruttura b’saħħitha li tippermettilha taqdi l-bżonnijiet ta’ kumpaniji barranin li joperaw f’Malta, fosthom fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u l-e-gaming.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita spjega wkoll li filwaqt li f’ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, internet ta’ kwalità għolja jinsab biss fiċ-ċentru tal-ibliet il-kbar, f’Malta diġa’ ngawdu minn speeds li jlaħħqu il-100 Megabit kull sekonda mal-pajjiż kollu.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar li t-telekomunikazzjoni għanda rwol importanti sabiex issaħħah l-Ekonomija Diġitali ta’ pajjizna kif ukoll biex tnaqqas id-Digital Divide. L-Onor Żammit Lewis ikkonkluda li dan il-Gvern huwa impenjat li jappoġġja din l-industrija tat-telekomunikazzjoni sabiex tkompli tiżviluppa biex b’hekk l-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu jkomplu jħallu l-marka tagħhom fuq il-popolazzjoni Maltija.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028