STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA - Dan il-Gvern se jimplimenta s-servizz ta’ kemjoterapija f’Għawdex
… L-Oppożizzjoni għamlet fjask minn dan is-settur u trid tfixkel lil min qed jirranġa s-sitwazzjoni għall-pazjenti Għawdxin
Se jkun dan il-Gvern Ġdid li jimplimenta s-servizz ta’ kemjoterapija f’Għawdex li qatt ma nbeda mill-Partit Nazzjonalista.
Il-Gvern il-Ġdid sab sitwazzjoni fejn lanqas kien hemm flus biżżejjed ivvutat għal dan is-servizz, aħseb u ara kemm kien se jitwettaq taħt ix-shadow Minister ta’ Simon Busuttil, Joe Cassar.
Waqt kampanja elettorali l-eks-Prim Ministru u l-Viċi tiegħu Simon Busuttil kienu stmaw li dan is-servizz se jiswa’ 600,000 ewro. Gvern Ġdid sab li l-Gvern Nazzjonalista vvota biss 80,000 ewro għal dan il-proġett.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Kelliem għas-Saħħa Joe Cassar qed ikunu immorali meta jafu bis-sitwazzjoni li ħallew huma stess.
Dan il-Gvern reġa’ ħares mill-ġdid lejn it-tfassil tal-pjan biex iwettaq il-wegħda elettorali li joffri servizz ta’ kemjoterapija f’Għawdex.
Għaldaqstant dan il-Gvern qed isib il-flus biex jingħata dan is-servizz lil kull pazjent Għawdxi li jiġi bżonnu. Iktar minn hekk qed jestendi iktar servizzi billi se tinħoloq sala ta’ stennija għal dawk li jużaw is-servizz tal-operazzjonijiet tal-jum fl-isptar ta’ Għawdex.
Sadanittant lill-pazjenti tal-kemjoterapija Għawdxin, għall-ewwel darba, qed noffrulhom it-trasport b’xejn sakemm jingħata s-servizz tal-kemjoterapija f’Għawdex. Dan ma kien isir qatt qabel.
Fl-istqarrija tiegħu l-Partit Nazzjonalista wera ipokrezija assoluta speċjalment meta jaf x’ħalla warajh f’dan is-settur sensittiv li hu tant għall-qalb dan il-Gvern.
L-istqarrija immorali tal-Partit Nazzjonalista turi li mhux biss Gvern Nazzjonalista ħalla l-affarijiet fi stat ta’ min jistmerr, iżda talli jrid li jrid ifixkel il-ħidma ta’ Gvern li jrid jirranġa din is-sitwazzjoni.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028