Left arrow Mur Lura

IS-6 EDIZZJONI TA’ LEONE GOES POP – ĊELEBRAZZJONI SPEĊJALI

pr1187
Date Icon 06/06/2013

Il-pjazza ewlenija tal-Belt Victoria t’Għawdex, Pjazza Indipendenza se tkun qed tilqa’ fiha s-6 edizzjoni ta’ Leone Goes Pop nhar is-Sibt 15 ta’ Ġunju 2013; kunċert spettakolari ta’ mużika moderna, ippreżentat mis-Soċjetà Filarmonika Leone li din is-sena qed tiċċelebra l-150 sena mit-twaqqif tagħha bħala l-ewwel banda Għawdxija. Dettalji dwar din l-attività li issa waslet fis-6 sena tagħha tħabbru dalgħodu waqt konferenza stampa mogħtija fil-Ministeru għal Għawdex li fiha l-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo ppreżenta għotja ta’ sponsor lis-Soċjetà Filarmonika Leone fil-persuna tal-President Dr. Michael Caruana. Il-Ministru għal Għawdex spjega kif waħda mill-missjonijiet tal-ministeru tiegħu hija li jikkollabora fil-ħidma tiegħu ma’ entitajiet bħalma hija s-Soċjetà Leone sabiex il-promozzjoni tal-arti u l-kultura f’Għawdex tkun waħda tassew sħiħa u komprensiva. Huwa saħaq li kemm il-darba, għaqdiet ikunu mal-Ministeru fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ kwalità bħalma huwa l-kunċert Leone Goes Pop u attivitajiet oħra li torganizza s-Soċjetà Leone fosthom l-opra fit-Teatru Aurora, il-Ministeru jkun warajhom biex jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ, sew dak loġistiku u amministrattiv u sew dak finanzjarju.

Min-naħa tiegħu, il-President tas-Soċjetà Leone radd ħajr lill-Ministru u tenna l-impenn tas-Soċjetà Leone li kemm il-darba hija ssib l-għajnuna u l-appoġġ mingħand il-gvern, hija tkun dejjem minn ta’ quddiem fl-isfera kulturali, artistika u mużikali u dak li tagħmel, tagħmlu mhux tant fil-kuntest parrokkjali għal għexieren u mijiet ta’ partitarji iżda f’ambitu aktar reġjonali u nazzjonali. Fil-fatt, matul is-6 snin illi ilu jsir il-kunċert Leone Goes Pop li beda fir-Rabat t’Għawdex, dan ġie esportat lejn il-bajja ta’ Marsalforn fl-eqqel tal-istaġun tat-turisti kif ukoll għal tliet snin konsekuttivi fil-Belt Valletta waqt l-attività tan-Notte Bianca. Il-kunċert ta’ din is-sena huwa fuq kollox ċelebrazzjoni speċjali għas-Soċjetà Leone li qed tifraħ fil-150 sena ta’ ħajja mużikali tagħha u għalhekk wieħed jistenna li l-produzzjoni mużikali u artistika għandha tieħu timbru u aċċent aktar qawwi. Għal dan il-għan, kif spjega s-surmast residenti tal-Banda Leone, Colin Attard, id-direzzjoni ingaġġat is-servizzi tal-kantanta Għawdxija Deborah C, il-kantanta popolari Chiara, ir-rebbieħ tas-Swedish Pop Idol Kevin Borg li ġej mill-Iżvezja apposta għall-okkażjoni kif ukoll ir-rebbieħ tal-kanzunetta Maltija għall-Ewropa 2013, it-tabib-kantant Gianluca Bezzina. Attard spjega li l-kunċett tal-Leone Goes Pop imur lil hinn mill-formazzjoni tradizzjonali tal-banda Maltija u joffri spettaklu mużikali kif ukoll esperjenza sħiħa għall-familja kollha. Leone Goes Pop huwa avveniment li għal sitt snin ilu jiġbed l-udjenzi bl-eluf minn tagħhom.

Fil-konferenza stampa saret referenza wkoll għall-proġetti oħra li qegħdin isiru mis-Soċjetà Leone bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej u li għalihom ukoll qed jgħin il-Ministeru għal Għawdex fosthom proġett kapitali kbir li se jara l-istallazjoni ta’ lift għall-pubbliku u tagħmir ġdid fuq il-palk tat-Teatru tal-Opra Aurora, u proġett ieħor li huwa skedat li jibda mmedjatament wara sabiex it-Teatru Aurora jsir ċentru għal użi differenti, fosthom biex jilqa’ fih konferenzi internazzjonali kbar. Leone Goes Pop se jsir nhar is-Sibt 15 ta’ Ġunju 2013 fi Pjazza Indipendenza (it-Tokk) bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Belt Victoria. Il-kunċert jibda fid-9pm u d-dħul huwa mingħajr ħlas.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

Aktar Stqarrijiet Right arrow