‘DEFINIZZJONI ĊARA TA’ X’INHU PREKARJAT HI PARTI MIS-SOLUZZJONI’ – ID-DEPUTAT PRIM MINISTRU LOUIS GRECH
“Mhux ġust li min jabbuża jinħeba taħt definizzjonijiet skaduti u liġijiet qodma”. Sostna dan id-Deputat Prim Ministru Louis Grech hu u jitkellem dwar s-sitwazzjoni tax-xogħol prekarju f’pajjiżna filwaqt li spjega kif din l-kwistjoni diġa kienet diskussa fil-Kabinett u għandna nistennew liġi f’dan ir-rigward fiż-żmien li ġej.
Id-Deputat Prim Ministru għadda dan il-messaġġ waqt l-aħħar laqgħa minn serje li l-General Workers Union kellha mal-ministeri tal-amministrazzjoni l-ġdida.
Id-Deputat Prim Ministru qal li waħda mill-aktar affarijiet importanti fil-ġlieda kontra l-prekarjat hija d-definizzjoni innifisha tat-terminu. Dan għaliex jaf jkun hemm min jinħeba wara ċertu definizzjonijiet u regoli bil-għan li juri li ma jkun qed jagħmel xejn ħazin. Iżda fil-verità l-ħaddiem xorta jkun qed ibati. Dan, sostna id-Deputat Prim Ministru, għandu jitwaqqaf.
Huwa qal wkoll li jieħu gost jirċievi mingħand il-GWU l-istudju u proposti li qiegħda tħejji dwar dan il-qasam li hu ċar li hu prijorità għalija.
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Tony Żarb irringrazzja lid-Deputat Prim Ministru għal-interess li l-Gvern qed jieħu fil-kampanja li qed tagħmel il-General Workers Union sabiex tattakka l-prekarjat u wiegħdu li ser jkun qed jżommu infurmat dwar l-policy tal-Union dwar dan.
Is-Sur Żarb tkellem wkoll dwar il-fondi Ewropej, illi jaqgħu taħt il-portafoll ta’ dan il-Ministeru. Qal li fl-aħħar snin kull proposta mressqa mill-GWU fir-rigward ta’ użu ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea twarrbet, minkejja li dawn kienu jinkludu inizjattivi prattiċi iddirezzjonati fost l-oħrajn lejn l-pensjonanti u n-nies b’diżabbiltà.
Id-Deputat Prim Ministru insista li dan il-Gvern jrid jara li kull min jkollu idea tajba jingħata l-għajnuna kollha li jkollu bzonn biex jibbenefika mill-fondi neċessarji. Fakkar wkoll fl-isforz li qed jagħmel l-Gvern biex titneħħa burokrazija żejda u jkun simplifikat l-proċess ta’ approvazzjoni ta’ kuntratti u proġetti permezz ta’ kumitati ‘fast track’ apposta fid-Dipartiment tal-Kuntratti u l-MEPA.
Ir-rappreżentanti tal-Union issuġġerew għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern li l-istaff inniffsu fiċ-ċivil jissuġġerixxi ideat għat-tnaqqis tal-burokrazija fejn jkun hemm anke inċentivi għal dan l-iskop.
Waqt il-laqgħa kienu diskussi wkol l-prijoritajiet li jistgħu jingħataw lill-Presidenza Maltija tal-UE, bħal Immigrazzjoni Illegali, il-Faqar, il-Mediterran u r-Rwol taċ-Ċittadin.
Il-GWU offriet l-għajnuna tagħha fit-tħejjijiet għall-Presidenza Maltija tal-UE kif wkoll lobbying sabiex xi laqgħat tat-tredjunjins fuq livell Ewropew jkunu jistgħu jsiru Malta f’dan il-perjodu.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028