STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA.
Ħdax-il entita’ shortlisted għall- ‘Long Term Power Purchase Agreement’ u ‘Gas Supply Agreement’ – Il-Pass li jmiss fil-ħidma tal-gvern lejn kontijiet orħos u arja aktar nadifa.
Il-Ministru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma, Konrad Mizzi jħabbar l-ismijiet tal-ħdax-il kandidat li ġew ‘shortlisted’ fil-proċess tal-Espressjoni ta’ interess u kapaċita` għall-Long Term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement.
Dawn huma:
Abener Energy
CPECC
DSME
ElectroGas
Edison SPA
Endeavour Energy
GMR Energy
Shell Gas and Power
Soffimat Gestamp
Vitol
Yildirim
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Delimara, l-Onorevoli Konrad Mizzi qal li dawn l-entitajiet intgħażlu wara proċess rigoruż ta’ evalwazzjoni.
Il-Ministru qal li dan huwa l-pass li kien imiss fil-ħidma tal-Gvern li għandha twassal għall-kontijiet orħos u enerġija iktar nadifa.
Il-ħdax–il entita` intgħażlu abbażi tal-fatt li laħqu l-kriterji stabbiliti fid-dokument ta’ Espressjoni ta’ Interess u kapaċita`. Permezz tas-sottomissjonijiet tagħhom dawn l-entitajiet taw prova li mhux biss għandhom l-esperjenza meħtieġa biex jidħlu għall-Long term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement kif stabbilit iżda wkoll li għandhom il-kapaċita` teknika u finanzjarja meħtieġa.
Il-Kandidati kienu mitluba jissottomettu lill-Enemalta informazzjoni dwar il-kredenzjali tagħhom f’oqsma bħal m’huma immaniġġjar, assigurazzjoni ta’ kwalita` u nformazzjoni dwar proġetti simili imwettqa minnhom.
Il-Ministru Mizzi qal li din l-informazzjoni kienet mitluba biex il-Gvern jassigura li l-kandidati magħżula jkunu kandidati tal-aqwa reputazzjoni li diġa taw prova tax-xogħol tagħhom.
L-Onorevoli Mizzi spjega kif il-Gvern beda jaħdem fuq dan il-proġett sa mill-ewwel jum ta’ dan il-Gvern. Qal li fi ftit inqas minn xahar wara l-elezzjoni, il-Gvern ħareġ is-seħja internazzjonali tal-espressjoni ta’ interess u kapaċita` għall-Long term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement.
Fisser is-sottomissjonijiet li rċiviet l-Enemalta bħala xhieda tal-interess qawwi li jeżisti fil-proġett il-ġdid għall-enerġija u xhieda tal-fiduċja ta’ kumpaniji internazzjonali fil-proġett propost. “Dan kollu juri kemm qed naħdmu b’serjeta fuq dan il-proġett fattibbli,” qal l-Onorevoli Mizzi.
L-entitajiet li ġew shortlisted, minn issa l-quddiem se jintalbu jagħtu proposti aktar dettaljati biex imbagħad lejn l-aħħar ta’ Settembru tkun magħrufa l-entita` magħżula.
L-Onorevoli Mizzi qal li l-Gvern beda jaħdem ukoll biex iwitti t-triq għal dan il-proċess billi fost l-oħrajn ġiet sottomessa d-deskrizzjoni tal-Proġett lill-MEPA.
Dan biex il-MEPA, wara konsultazzjoni ma’ dawk kollha ikkonċernati eventwalment toħroġ il-permessi neċessarji wara li jkunu saru l-istudji kollha meħtieġa b’konformita` mal-liġijiet u r-regoli dwar is-saħħa, is-sigurta` u l-ambjent.
Il-Ministru Mizzi tenna l-impenn tal-Gvern li joffri lill-pajjiżna arja aktar nadifa billi tingħalaq il-powerstation tal-Marsa, jiġi kkummissjonat l-għeluq taċ-ċumnija l-antika ta’ Delimara, u ssir il-qalba għal gass mill-Heavy Fuel Oil.
Qal li l-Gvern mhux biss huwa kommess li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma b’medja ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija u ta’ ħamsa fil-mija rispettivament imma kommess ukoll li f’pajjiżna jkollna enerġija orħos u iktar nadifa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028