DISKORS MILL-ONOR. JOE MIZZI, MINISTRU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA WAQT KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET FL-GĦELUQ TA’ EŻERĊIZZJU TA’ KONSULTAZZJONI MAL-KUNSILLI LOKALI – BIRKIKRARA – IT-TNJEN 3 TA’ ĠUNJU 2013
Sa mill-ewwel ftit tal-ġranet minn meta sirt Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, ħabbart mill-ewwel l-intenzjoni tiegħi li nibda niltaqa’ mal-Kunsilli Lokali kollha, inkluż dawk ta’ Għawdex, biex nara x’inhuma l-problemi li hemm fil-lokalitajiet, fil-materji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Ħabbarna dan fil-21 ta’ Marzu, fejn għedna li se niftħu proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali kollha.
Ġimgħa wara, fit-28 ta’ Marzu, bdejna niltaqgħu mal-Kunsilli, fejn matul dawn il-laqgħat, iltqajna mas-Sindki u mal-membri tal-Kunsilli Lokali, dornihom wieħed wieħed, u dawn ressqu s-suġġerimenti tagħhom u tkellmu magħna dwar materji li jaqgħu fir-responsabilita tiegħi.
Nhar il-Ġimgħa, tlajna Għawdex, fejn iltqajna wkoll mas-Sindki kollha tal-lokalitajiet Għawdxin. Matul dan il-proċess tajna widen għall-ilmenti u s-suġġerimenti kollha li smajna għax jiena nemmen li fil-politika għandna npoġġu liċ-ċittadin fuq quddiem.
Fl-istess waqt, anke għamilna eżerċizzju mal-pubbliku biex nilqgħu s-suġġerimenti tiegħu dwar is-servizz tat-trasport pubbliku, li tajna dettalji dwarhom fil-ġranet li għaddew u għedna li l-ewwel ma għamilna kienet li rrikonoxxejna li hemm problema.
Mal-Kunsilli Lokali tkellimna wkoll dwar il-ħolqien ta’ ‘coordinating unit’, li nħatar apposta, immexxi minni bħala Ministru, biex meta jsiru proġetti, l-affarijiet isiru tajjeb mill-ewwel.
Tkellimna wkoll dwar il-ħolqien ta’ Maintenance Monitoring Unit, fejn ħaddiema tal-Gvern se jibdew jissorveljaw it-toroq għal madwar 12 jew 14-il siegħa kuljum biex jaraw in-nuqqasijiet li jkun hemm fosthom ħofor, dawl nieqes, skart, annimali mejtin eċċetra u tittieħed azzjoni mill-iżjed fis. Fejn it-toroq ikunu responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali, ninformawhom, iżda jekk tkun xi ħaga urġenti, nagħmluha aħna.
Il-pass li jmiss huwa li nikkategorizzaw l-ilmenti u s-suġġerimenti li ressqulna l-Kunsilli Lokali, skont il-prijorita tagħhom. Dawk li huma urġenti, diġa bdiet tittieħed azzjoni mill-ewwel fuqhom, waqt li dawk li mhumiex urġenti, se jitfassal pjan dwarhom għall-ħames snin li ġejjin.
F’dik li hija infrastruttura ġenerali, qed infasslu pjan għal ħames snin.
Dak li hemm imniżżel fil-Manifest Elettorali, irridu nwettquh, bħal fost oħrajn il-wegħda li nagħmlu ‘connection’ li tgħaqqad iż-żewġ naħat tal-qasam tad-djar f’Ħal Qormi, li niżviluppaw proġett biex itaffi l-problemi ta’ traffiku fil-Kappara u fi Triq Diċembru 13, inwettqu mill-aktar fis possibbli l-proġett tal-Kottonera u oħrajn.
Stqarrijiet Oħra:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028