DISKORS MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI WAQT IL-LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI TAL-BDIEWA PRODUTTURI TAL-ĦALIB
Għeżiez,
Kif forsi diġa’ tafu waħda mill-wegħdiet tal-Partit Laburista fil-Manifest elettorali kienet proprju dik li Gvern ġdid jistabbilixxi mill-ġdid, politiku responsabbli għall-biedja u sajd biex nagħtu l-importanza meħtieġa lil dawn l-oqsma. B’wiċċi minn quddiem ngħid li din il-wegħda elettorali twettqet, biex-xhieda tagħha tkun li f’isem il-Gvern, jien ir-rappreżentant ta’ dan is-settur.
F’dawn ix-xahrejn li ilni f’din il-kariga, kburi ngħid li ltqajt mal-Kumitat ta’ din il-Koperattiva u saru wkoll numru ta’ laqgħat mill-uffiċjali ta’ dan is-Segretarjat u membri tal-Kumitat tal-Koperattiva. Nista’ ngħid li minn dawn il-laqgħat ħarġu diversi punti li diġa qed jiġu trattati. Fosthom hemm:
Id-Dairy Restructuring Aid – Bord ta’ reviżjoni. Fil-ġimgħat li għaddew twaqqaf dan il-Bord ta’ Reviżjoni li huwa kompost minn Chairman indipendenti, is-Sur Joseph E.Grech, is-Sur Noel Azzopardi u is-Sur Joseph Debrincat. Xogħol dan il-Bord hu li se jkun qed jikkonsidra diversi lmenti tar-raħħala dwar il-kalkolu tal-għajnuna dovuta għall-bini tat-tined tal-baqar, kif ukoll isiru l-arranġamenti meħtieġa biex isir il-ħlas dovut skont skema skedata.
Nixtieq infakkar li din l-għajnuna ilha mwegħda mill-Gvern preċedenti sa mill-2006 u kien biss ftit qabel l-aħħar elezzjoni, din li saret din is-sena, f’Marzu li għadda, li ntlaħaq xi forma ta’ ftehim dwar din l-għajnuna li hija smata madwar 2.5 miljun ewro. Inżid ngħid li dan seħħ mingħajr ma ntlaħaq ftehim fuq il-kejl (miżuri tat-tined) u l-ammont dovut. Għalhekk b’dan il-bord ta’ reviżjoni niseraw u nittamaw li jintlaħaq ftehim fuq dawn iż-żewġ punti importanti. Hawnhekk nixtieq insemmi wkoll li minkejja l-kuntratti kienu ffirmati mill-Gvern preċedenti magħhkom ir-raħħala, ma ttieħdu l-ebda miżuri biex jiġu allokati l-flus neċessarji, cioe’ 2.5 miljun ewro, u lanqas ma hemm provvista għal din l-ispiża fil-budget ta’ din is-sena. Bħala Segretarju Parlamentari minn dan is-settur, ser inkun qed nieħu l-passi meħtieġa biex il-pagamenti dovuti jibdew isiru mis-sena l-ġdida, 2014 fuq terminu ta’ tliet snin.
Punt ieħor li ħareġ mil-laqħat kien dwar il-miżura tal-programm żvilupp rurali 2007-2013. Tajjeb li ngħid li din il-miżura, it-tieni sejħa, ħarġet fl-2011 u għas-settur tal-ħalib ġew approvati 10 applikazzjonijiet b’valur ta’ sussidju ta’ 1.27 miljun ewro, waqt li 64 applikazzjoni b’valur ta’ 6.6 miljun ewro tpoġġew f’lista ta’ riserva għas-sempliċi raġuni li ma kienx hemm flus biżżejjed għal din il-miżura. Il-lista tar-riżultati kienet lesta fil-ġurnata tal-elezzjoni u minħabba f’hekk kien hemm numru kbir ta’ raħħala fuq ir-riserva li r-riżultati tagħhom ma ġewx ippublikati.
Konxju li dan il-fatt urta lil xi raħħala, iżda l-fatti jibqgħu li l-ammont ta’ flus kien limitat u għalhekk, ħafna raħħala baqgħu barra. Biex din is-sitwazzjoni tiġi emendata, wadħa mill-ewwel affarijiet li għamilt kienet li tlabt il-Kummissjoni Ewropea biex jiġu traferiti xi fondi minn fuq miżuri oħra għal fuq il-miżura 121 biex inkunu f’pożizzjoni li naqdu numru akbar ta’ raħħala.
Nixtieq ngħarrfkhom li ninsabu f’diskussjonijiet mal-Kummisjoni biex naraw jekk jistgħux jiġu utilizzati fondi mill-programm il-ġdid 2014-2020 biex jiġu finanzjati proġetti li ġew proposti taħt il-programm kurrenti 2007-2013.
Issue oħra li ssemmiet f’dawn il-laqgħat kient ir-rilokazzjoni tal-irziezet fl-abitat. Għal numru ta’ snin kienet qed tiġi diskussa l-possibilita’ li dawn l-irziezet jiġu rilokati fiż-żona Tal-Qanpiena, viċin is-Siġġiewi. Għal darb’oħra, minkejja li l-applikazzjoni għall-iżvilupp f’dan is-sit saret f’Diċembru 2006, sa llum il-permess tal-MEPA għadu ma ħariġx. F’dan ir-rigward f’dawn ix-xahrejn mill-ewwel bdejt taħdidiet sabiex il-permessi meħtieġa joħorġu b’mod immedjat biex ikun jista’ jibda’ x-xogħol u r-raħħala nvoluti jiġu rilokati fl-iqsar żmien possibli.
Grazzi tal-attenzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028