JUM DINJI KONTRA T-TABAKK
Illum il-31 ta’ Mejju, madwar id-Dinja jitfakkar il-Jum Dinji Kontra t-Tabakk. Din il-ġimgħa diversi pajjiżi madwar l-Ewropa, fosthom Malta kienu qegħdin iqajmu għarfien dwar il-marda tal-kanċer għaliex huwa magħruf li sa terz mill-każi ta‘ kanċer jistgħu jiġu evitati b’bidla fl-istil ta’ ħajja.
Il-Ministeru għas-Saħħa flimkien mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, organizza attività ta’ informazzjoni marbuta ma’ dan il-jum, quddiem il-Ministeru, il-Belt, li għaliha attenda wkoll il-Ministru għas-Saħħa, Dr. Godfrey Farrugia.
It-tabakk huwa wieħed mill-akbar problemi għas-saħħa pubblika għax joqtol mas-sitt miljun persuna kull sena madwar id-dinja. Statistika turi li persuna kull sitt sekondi tmut kawża ta‘ mard relatati mat-tabakk.
Waħda mill-azzjonijiet fil-Pjan Nazzjonali dwar il-Kanċer, hija l-ġlieda kontra t-tipjip. Jum Dinji Bla Tabakk 2013 qed jinkorpora s-sehem importanti tal-professjonisti kollha fil-qasam tas-saħħa. L-għan aħħari huwa li nħeġġu lil dawk li jpejpu biex jieqfu minn dan il-vizzju qerriedi.
Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qed ikompli jifrex it-taħriġ għat-tobba u professjonisti fil-qasam tas-saħħa. Permezz ta‘ dan il-professjonisti jkollhom l-għodda meħtieġa ħalli jħeġġu persuni li jpejpu biex jieħdu azzjoni u jieqfu jpejpu. S’issa diġà sar taħriġ għal madwar 100 tabib li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa. Issa se jinfirex dan it-taħriġ, fost oħrajn għat-tobba li jaħdmu fil-privat.
Riċerka li saret f'uħud mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea wriet li 73.5% ta' dawk li jpejpu, jixtiequ jieqfu. Fis-sena 2010 f’Malta, mietet medja ta’ persuna kuljum minħabba mard relatat mit-tipjip, mwiet li setgħu jiġu evitati. Dan kollu jħeġġeġ lill-Ministeru għas-Saħħa u lid-Direttorat biex ikomplu jaħdmu biex aktar ħajjiet jiġu mħarsa.
Bħala medja dawk li jpejpu jmutu bejn 13 u 14-il sena qabel iż-żmien meta mqabla ma dawk li ma jpejpux. Imma jekk persuna jirnexxiela tieqaf tpejjep qabel ma tilħaq l-età ta' madwar 35 sena, tkun qed ittawwal il-ħajja b'madwar 10 snin meta tiġi pparagunata ma' dawk il-persuni li jibqgħu jpejpu. Minbarra dan, persuna li tieqaf tkun qed tnaqqas ir-riskju ta' problemi tal-qalb b'50% fl-ewwel sena ta' waqfien.
Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, permezz tal-programmi speċjalizzati provduti qed joffru għajuna meħtieġa lil dawk li jpejpu, biex jieqfu mit-tipjip.
Dawk interessati jistgħu jċemplu fuq 2326 6000 għall-għajnuna.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028