DISKORS MILL-ONOR. CHRIS CARDONA, MINISTRU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ZGĦAR, FL-OKKAŻJONI TAT-TĦABBIR TA’ ESPRESSJONI INTERNAZZJONALI TA’ INTERESS GĦAL ĊENTRU MARITTIMU FIS-SIT TAL-EKS SHIPBUIDING MARSA – IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA 31 TA
Sinjuri,
Sejjaħna din il-konferenza tal-aħbarijiet biex nħabbru li l-Gvern Malti se jkun qed jippubblika espressjoni internazzjonali ta’ interess biex is-sit fejn kien hemm is-ship building tal-Marsa jkun trasformat f’Ċentru Marittimu.
Dan huwa l-ewwel pass fi twettieq ta’ waħda mill-proposti ċentrali fil-programm ta’ dan il-Gvern, dik li jittrasforma lil Malta f’Ċentru Marittimu ta’ Eċċelenza fil-Mediterran.
Aħna nemmnu li Malta għandha potenzjal kbir f’dan is-settur, grazzi għal pożizzjoni ġeografika u l-portijiet li għanda, però fuq kollox għat-tradizzjoni u l-kultura li jmorru lura snin.
Id-diversità ta’ servizzi li Malta toffri lill-Industrija Marittima illum tmur lilhinn mill-pożizzjoni strateġika tagħha. Fl-aħħar tlett diċenji, inbnew kompetenzi bbażati fuq bażi legali u regolatorji b’saħħithom. Malta għandha bandiera ewlenija fis-settur Marittimu li tagħmilna lkoll kburin u għandha firxa wiesgħa ta’ servizzi li qed ikunu offruti bħal cargo operations, transhipment, cruise shipping u tiswija ta’ vapuri kif ukoll yacths.
B’din l-espressjoni ta’ interess internazzjonali rridu nkomplu nsaħħu dak li diġà għandna u fl-istess waqt inkomplu neċċellaw biex ir-reputazzjoni tagħna tkompli tisaħħaħ mhux biss fl-Unjoni Ewropea imma wkoll madwar id-dinja.
Id-dokumenti relatati ma’ din l-espressjoni internazzjoni ta’ interess se jkunu disponibbli mill-Privitisation Unit mill-5 ta’ Ġunju sal-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju, waqt li s-sottomissjonijiet se jibqgħu jintlaqgħu sal-5 ta’ Awwissu.
Bil-għan li nattiraw l-akbar firxa ta’ investituri fis-settur, mill-Ewropa u lilhinn, se nkunu qed nirriklamaw din l-espressjoni ta’ interess f’rivisti bħal The Economist, il-Lloyd’s List ġurnal internazzjonali ewlieni fis-settur marittimu kif ukoll fuq il-Euronews. Kontemporanjament se tkun għaddejja wkoll kampanja lokali fuq il-mezzi tax-xandir stampati, televiżivi u anke portals.
Is-Sit inkwistjoni, fejn kien hemm is-Shipbuilding tal-Marsa, għandu kobor ta’ kważi 175,000 metru kwadru u huwa post ideali biex fih ikun żviluppat Ċentru Marittimu. L-investituri li eventwalment se jkunu qed jidħlu għal dan il-proġett kummerċjali se jkollhom konċessjoni ta’ 45 sena.
Dawk li se jidħlu għar-responsabbiltà li jiżvillupaw dan is-sit se jkunu qed jintrabtu li l-faċilitajiet ikun operati bi profittabilità u b’mod li jassiguraw li l-Gvern u dawk kollha li jagħmlu użu minnhom, ikunu sodisfatti bil-livel u l-kwalità tas-servizzi provduti.
Il-Gvern mhux se jkun qed jagħti l-ebda għajnuna kapitali biex dan il-proġett jitwettaq, anzi huwa mistenni li l-investiment kapitali mis-settur privat iservi ta’ stimolu għal ekonomija Maltija.
Iċ-Ċentru Marittimu għandu jservi biex jattira firxa wiesgħa ta’ attivitajiet mis-settur marittimu. Dan għandu jassigura li l-miri tal-Unjoni Ewropea, li joħorġu mill-Politika Marittima Integrata, jkunu milħuqa.
Dan il-proġett ladarba mwettaq se jkun qed jagħti spinta ’l quddiem lill-Industrija Maritima Maltija, jtejjeb il-kompettitività u jattira servizzi ta’ valur miżjud.
Se jkun ukoll proġett li se jgħin fit-tisħiħ tas-settur turistiku permezz tal-promozzjoni ta’ Malta bħala Ċentru Marittimu.
Fost il-faċilitajiet u s-servizzi li għandhom ikunu nkluża f’dan iċ-Ċentru Marittimu nsibu; Faċilitajiet ta’ Marina, li jinkludu l-iżvillup u l-manutenzjoni tal-faċilitajiet u s-servizzi reltatati.
Faċilitajiet għal yachts u bċejjeċ oħra tal-baħar. Dawn il-faċilitajiet għandhom joffru firxa wiesgħa ta’ servizzi fosthom ta’ chandelling, modifikazzjonijiet, manutenzjoni ta’ yacths, super yacths u bċejjeċ oħra tal-baħar.
Faċilitajiet anċillari li huma relatati u ntiżi li jagħtu sapport fl-amministrazzjoni tal-vapuri fosthom aġenziji, shipbroking u anke servizzi legali u ta’ assigurazzjoni.
Ta’ importanza partikolari huma l-iskola Marittima u l-faċilitajiet relatati mal-innovazzjoni u r-riċerka fl-istudju marittimi u marini kif ukoll f’oqsma bħal inġinjerija Marittima, Maritime Information Technology u xjenzi oħrajn f’dan is-settur.
Din l-espressjoni internazzjonali ta’ interess tirrifletti l-viżjoni li dan il-Gvern għandu għal Malta fis-settur Marittimu.
Settur li mhuwiex wieħed ġdid għal pajjiżna, iżda li dan il-Gvern jemmen li l-potenzjal tiegħu kollu għadu ma ntlaħaqx.
Il-ħiliet tal-Maltin, it-tradizzjonijiet kif ukoll l-progress u l-żvilupp li diġà twettaq f’dan il-qasam matul is-snin għandu jservi biex dan il-proġett ambizzjuż jitwettaq.
Proġett li ladarba mwettaq se jkun qed joħloq diversi opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità.
Għalhekk bħala Gvern qed nagħrfu l-ħtieġa li ninvestu aktar f’ħaddiema mhux biex fl-oqsma tekniċi u amministrattivi imma wkoll dawk bi professjoni legali.
L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla huma għodda importanti li biha tgħammar kemm l-industrija kif ukoll l-amministrazzjoni pubblika bis-snajja’ meħtieġa; u dawn hemm bżonn li jaddattaw ruħhom malajr, ħafna aktar malajr milli għamlu s’issa.
Aħna se nagħtu prijorità lil dan il-qasam u nassiguraw li jkun hemm konnessjoni aktar b’saħħitha bejn l-istituzzjonijiet tat-tagħlim u n-nies tas-sengħa f’dan is-settur. Se naraw ukoll il-ħtieġa li t-taħriġ li jingħataw l-istudenti għandu jirrifletti is-snajja’ meħtieġa fl-amministrazzjoni pubblika u s-settur privat.
F’din l-espressjoni internazzjonali ta’ interess qed nisħqu wkoll mal-investituri internazzjonali li ċ-Ċentru Marittimu għandu jaderixxi ma’ kuncetti ta’ kostruzzjoni ambjentali. Dan ifisser żvilupp li jkun jikkonsma anqas enerġija u jiġġenera skart mill-inqas.
Fuq kollox però l-akbar garanzija li se nkunu qed nisħqu fuqha hi li dan il-proġett ikun ta’ valur (value for money) għal Gvern u ta’ benefiċċju għall-ekonomija Maltija inġenerali.
Is-settur Marittimu huwa parti mill-istorja Maltija u għal millenji kien pilastru ewlieni fl-ekonomija tal-pajjiż. Bi ftit riżorsi naturali, Malta għandha tkompli timmassimizza il-lokazzjoni tagħha u l-portijiet.
L-industrija Marittima f’Malta hija waħda vibranti u flimkien ma’ oqsma oħra li qed jirnexxielna nkunu suċċess fihom bħas-servizzi finanzjarji, nistgħu nkomplu niżvillupaw f’Ċentru Marittimu ta’ Eċċelenza.
Dan huwa l-proġett li jibda l-vjaġġ f’dik id-direzzjoni.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028