IL-PRIM MINISTRU SE JIBDA JILTAQA’ MAL-MEUSAC QABEL IS-SUMMITS FORMALI TAL-MEXXEJA TAL-UNJONI EWROPEA
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jibda jiltaqa’ mal-membri tal-Core Group tal-MEUSAC mill-inqas darbtejn f’sena, qabel is-summits formali tal-Kunsill Ewropew li jsiru f’Ġunju u Diċembru. B’dan il-mod il-Gvern ikun qiegħed jisma’ l-veduti tas-soċjetà ċivili qabel ma jieħu pożizzjoni dwar it-temi li jkunu fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew.
Waqt laqgħa mal-membri tal-Core Group tal-MEUSAC fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru tkellem dwar l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret fit-22 ta’ Mejju u li fiha l-mexxejja Ewropej iddiskutew l-oqsma tal-enerġija u t-tassazzjoni. Qal li kienet laqgħa importanti għaliex ħarġu punti li huma parti mill-politika ħolistika tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija favur kontijiet orħos u arja aktar nadifa. Dawn il-miri jistgħu jintlaħqu mhux biss bl-interkonnettività iżda wkoll bis-sehem tas-settur privat f’investiment ġdid li jassigura li l-prezzijiet tal-enerġija ma jkomplux jolqtu ħażin lill-kompetittività tan-negozji u d-dħul tal-familji.
Dwar it-tassazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fil-qasam finanzjarju, ir-riċetta tas-suċċess għal pajjiżna kienet il-kunsens unanimu li jeżisti bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Dan wassal biex Malta tikseb kredibilità fuq livell Ewropew, f’qasam li wieħed jeħtieġ li jħares ‘il bogħod u jippjana fit-tul.
Il-Prim Ministru semma kif il-Kunsill Ewropew f’Ġunju li ġej se jiddiskuti s-Semestru Ewropew, b’mod speċjali r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kummissjoni Ewropea rrikmandat għall-approvazzjoni tal-Kunsill fil-laqgħa ta’ Ġunju. Fost l-aspetti pożittivi dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal Malta hemm il-pjan ħolistiku tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija. Min-naħa l-oħra, l-ambjent u l-problema tat-tniġġis tal-arja se jingħataw prijorità mill-Gvern.
Qal li l-pensjonijiet u s-saħħa huma temi li wieħed ma jistax jaħrab minnhom. Il-Prim Ministru qal li hemm soluzzjonijiet ibbażati fuq tmexxija aħjar f’dawn l-oqsma. Semma wkoll il-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol u qal li din se tiġi indirizzata b’miżuri ta’ faċilitajiet ta’ kura għat-tfal żgħar u ta’ iktar miżuri ta’ flessibilità fis-settur pubbliku. Filwaqt li qal li l-Gvern hu kommess li jwettaq politika attiva fis-suq tax-xogħol maqbula bejn l-imsieħba soċjali u l-partiti politiċi, imsejħa ‘Jobs Plus’, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ Ewropej u kif il-Gvern Malti se jimplimenta l-inizjattiva tal-UE msejħa ‘Garanzija għaż-Żgħażagħ’ biex dawn jingħataw taħriġ bil-għan li jkomplu l-edukazzjoni jew jingħataw taħriġ għal xogħol diċenti.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli qalet li l-preżenza tal-Prim Ministru waqt il-laqgħa tal-Core Group ta’ dalgħodu hija xhieda li dan huwa Gvern li jisma’. Dr Dalli qalet li l-Gvern huwa impenjat li jisma’ lill-imsieħba soċjali, lill-partiti politiċi u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili qabel il-Kunsill Ewropew tax-xahar id-dieħel. Hi qalet li għall-Gvern huwa importanti li l-imsieħba kollha fil-Core Group iħossu li verament qed jikkontribwixxu sabiex titfassal il-pożizzjoni tal-Gvern Malti fil-Kunsill Ewropew. Rigward il-preżenza tal-partiti politiċi fil-Core Group, il-Ministru Dalli qalet li dan għandu jwassal għal aktar konverġenza dwar il-politika li tadotta Malta fil-qafas tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb filwaqt li rringrazzja lill-Prim Ministru li qed jiltaqa’ mal-membri tal-Core Group tal-MEUSAC għall-ewwel darba, ftit ġimgħat biss mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, fisser l-apprezzament tal-membri għal din l-opportunità tajba għal skambju ta’ ideat mal-Prim Ministru dwar temi li jolqtu lil Malta u l-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028