Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU JENFASIZZA FUQ L-IMPORTANZA TAL-OSPITALITÀ FIS-SETTUR TURISTIKU, B’MOD PARTIKOLARI FIL-QASAM TAL-CATERING

pr1121
Date Icon 29/05/2013

Meta kien qed jindirizza seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti l-MHRA fejn tħabbru r-riżultati ta’ stħarriġ li sar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-MHRA dwar xejriet fejn jidħol il-qasam tal-catering u ristoranti f’Malta, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella enfasizza l-importanza tal-ospitalità fis-settur turistiku.

Semma’ kif il-qasam tar-ristoranti u tal-catering jikkontribwixxi b’mod sinifikanti fis-settur turistiku, b’ċifri juru kif is-sena l-oħra biss, in-nefqa tat-turisti f’ikel u xorb laħqet it-€300 miljun.

Il-Ministru Vella tkellem fuq ix-xejriet pożittivi fit-turiżmu u li wkoll jaffetwaw lis-sidien tar-ristoranti, fosthom żieda fin-numri flimkien ma’ titjib fil-livell tal-għixien, u li eventwalment joffru opportunità għal żieda fil-kummerċ. Fl-istess ħin iżda, saħaq li rridu nagħtu każ ta’ x’qed jitlob it-turist li jagħżel li jżur lil Malta u fakkar kif il-profil tat-turist kulma jmur qiegħed dejjem jinbidel.

Fil-kuntest tar-ristoranti u l-qasam tal-catering, il-Ministru Karmenu Vella semma’ kif illum il-ġurnata t-turist ifittex li jieħu valur tajjeb għal flus li jħallas kif ukoll ifittex il-kwalità fis-servizz.

Meta rrefera għall-profile surveys li jsiru b’mod kontinwu mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u li juru kif 75% tat-turisti huma kuntenti bl-esperjenza kulinarja li rċevew, il-Ministru għat-Turiżmu saħaq li filwaqt li dan ir-riżultat huwa wieħed pożittiv, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li 25% esprimew diżappunt fil-livell ta’ servizz offrut u għaldaqstant hemm lok fejn wieħed ikompli jtejjeb il-prodott u s-servizz offrut.

Il-Ministru Karmenu Vella tkellem ukoll fuq temi attwali relatati mal-qasam turistiku fosthom il-profitabilità fis-settur, it-tnaqqis fil-burokrazija fejn għandhom x’jaqsmu liċenzji u mili ta’ formoli kif ukoll dwar il-kwistjoni tal-ħruġ tal-imwejjed u siġġijiet fuq barra, fejn qal li twaqqaf kumitat biex janalizza s-sitwazzjoni u joħloq sett ta’ kriterji.

L-istħarriġ li sar aktar kmieni dan ix-xahar huwa joint venture bejn l-MTA u l-MHRA u nvolva mal-44 sid ta’ ristorant u catering establishments minn 21 lokalità differenti madwar Malta.

Fost it-temi mistħarġa kien hemm l-aċċessibilità tar-ristoranti, l-għażla li joffri l-menu flimkien mal-prezzijiet mitluba, l-impatt tal-ispejjeż operattivi fuq il-profitabilità, l-edukazzjoni u taħriġ, riżorsi umani, l-impatt tal-istaġjonalità fuq ir-ristoranti, u l-marketing tal-post.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

More Press Releases Right arrow