Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN

pr1114
Date Icon 28/05/2013

Qbil unanimu fost il-pajjiżi membri tal-UE għat-tneħħija tal-embargo fuq l-armi għall-Oppożizzjoni Sirjana

Brussell, it-Tnejn 27 ta' Mejju 2013 il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George Vella ħa sehem fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fejn, fost l-oħrajn, kienet diskussa l-qagħda preżenti fis-Sirja u t-tiġdid tas-sanzjonijiet tal-UE kontra dan il-pajjiż  billi kienu jiskadu fl-1 ta' Ġunju. Wara kważi tnax il-siegħa ta' taħdidiet il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri qablu li s-sanzjonijiet kollha ħlief l-embargo fuq l-armi jkunu estiżi għal 12-il xahar. Dawn il-miżuri jinkludu restrizzjonijiet fis-settur tat-trasport, dawk kontra l-esportazzjoni lejn is-Sirja u l-importazzjoni minn hemm ta' bosta affarijiet, restrizzjonijiet fuq l-iffinanzjar ta' ċertu intrapriżi, proġetti infrastrutturali u kummerċ, l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi u restrizzjonijiet fuq id-dħul ta' ċertu individwi Sirjani fl-U.E.

Rigward l-embargo tal-armi, l-Istati Membri qablu li mill-1 ta' Ġunju kull pajjiż japplika l-politika nazzjonali tiegħu meta jikkunsidra jekk għandux jibgħat armi lill-Koalizzjoni tal-Oppożizzjoni Sirjana. L-Istati Membri qablu li f'dan il-mument m’għandhomx jintbagħtu armi u jekk fil-futur ċertu pajjiżi jaraw il-ħtieġa li jagħmlu dan, jintrabtu li josservaw is-salvagwardji maqbula dwar  għall-użu finali ta' dawn l-armi u li jiżguraw li dawn jintużaw biss għall-ħarsien ta' pajżana milquta mill-kunflitt. Malta, bħal ħafna pajjiżi oħra, għamliltha ċara li minkejja li tikkundanna l-aġir tal-Gvern Sirjan kontra n-nies tiegħu stess, fl-ebda ħin m’għandha ħsieb tibgħat armi lejn dan il-pajjiż.

Il-pajjiżi tal-U.E. saħqu fuq il-ħtieġa ta' soluzzjoni politika għas-sitwazzjoni terribbli li fiha tinsab is-Sirja u li qed tinxtered għall-pajjiżi tar-reġjun. L-Istati Membri qablu li għandu jitħalla spazju sabiex il-partijiet kollha fil-kunflitt ifittxu qbil politiku fit-taħditiet għall-paċi fl-inizjattiva li qed tittieħed mill-Istati Uniti u r-Russja, liema konferenza mistennija ssir f’Ginevra fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin qablu wkoll li l-Kunsill jerġa' jikkunsidra s-sitwazzjoni fis-Sirja qabel l-1 ta' Awwissu 2013 wara li jqis l-iżvilluppi fl-inizzjattiva Amerikana-Russa, l-involviment tal-partijiet Sirjani f'din l-inizzjattiva u l-parir  tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

More Press Releases Right arrow