STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT DWAR IL-KUNSILL EWROPEW LI NŻAMM NHAR L-ERBGĦA 22 TA’ MEJJU
Sur President,
Nixtieq nirrapporta lil din il-Kamra dwar ix-xogħol li sar waqt il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ nhar l-Erbgħa 22 ta’ Mejju, u li l-konklużjonijiet tiegħu qed inpoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra.
Dan il-Kunsill iffoka fuq żewġ temi partikolari – l-enerġija u t-tassazzjoni.
ENERĠIJA
Il-Kunsill qabel li fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi preżenti, l-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-UE għandhom jimmobilizzaw l-isforzi kollha tagħhom favur il-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku.
Huwa f’dan il-kuntest li kien hemm qbil li l-provvista ta’ enerġija affordabbli u sostenibbli hija kruċjali.
Dawn huma għanijiet li dan il-Gvern jippromwovi bis-saħħa u ma qagħadx jistenna l-Ewropa tmexxih, imma mexa qabel iż-żmien. Dan huwa l-mandat b’saħħtu li għandu dan il-Gvern.
Il-Kunsill qabel fuq erba’ linji li għandhom jgħinu lill-pajjiżi membri biex jilqgħu għall-prezzijiet għolja tal-enerġija waqt li jsostnu l-kompetittivita tagħhom.
• L-iżvilupp ta’ suq tal-enerġija magħqud Ewropew
• L-investiment
• Id-diversifikazzjoni
• L-effiċjenza
Din hija eżatt l-istrateġija ta’ dan il-Gvern, strateġija li kien hemm min kien jikkritika sa ftit taż-żmien ilu.
Il-Kunsill irrijafferma l-mira tal-UE li sas-sena d-dieħla jkun hemm suq tal-enerġija magħqud Ewropew bl-iżvilupp tal-interconnections u dan bil-ħsieb li sal-2015 jiġi fi tmiemu l-iżolament tal-pajjiżi membri min-networks tal-gass u tal-elettriku Ewropej.
Kmieni s-sena d-dieħla l-Kummissjoni se tirrapporta fuq il-progress tal-iżvilupp ta’ suq tal-enerġija magħqud Ewropew. Kien hemm qbil li l-pajjiżi membri jgħaddu lil xulxin it-tagħrif meħtieġ fuq deċiżjonijiet maġġuri relatati mal-qasam tal-enerġija fl-istess ħin li jirrispettaw id-deċiżjonijiet dwar l-energy mix li wieħed jagħżel għal pajjiżu.
Anke hawn pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba u minkejja diffikultajiet li sibna se nibqgħu għaddejjin biex inwettqu l-proġett tal-interconnector biex pajjiżna jkollu sors ieħor ta’ enerġija u nkomplu nifirxu l-energy mix ta’ pajjiżna.
Il-Kunsill qabel ukoll li hemm bżonn ta’ investimenti qawwija f’infrastruttura ġdida li tiżgura provvista tal-enerġija kontinwa u bi prezzijiet li l-familji u n-negozji jkunu jifilħu. Il-Mexxejja Ewropej qablu li dan l-investiment huwa vitali għall-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku.
Issemma l-mod kif wieħed għandu jħajjar lis-settur privat jinvesti. Dan il-Gvern diġa’ beda jagħmel dan kollu u għandna 19-il konsorzju internazzjonali li wrew interess fl-iżvilupp tas-suq tal-enerġija ta’ pajjiżna.
Issemmiet il-ħtieġa ta’ azzjoni iktar determinata biex tintlaħaq il-mira ta’ interconnection ta’ mill-inqas 10% tal-kapaċita’ produttiva diġa’ eżistenti fil-qasam tal-enerġija fil-pajjiżi membri. Kien hemm qbil li tiġi adottata d-direttiva dwar infrastrutturi li jagħmlu użu minn fuels alternattivi, u li jingħata appoġġ lil skemi ta’ enerġija rinnovabbli.
Il-Kunsill qabel li huwa kruċjali li l-pajjiżi membri jiddiversifikaw l-provvista tal-enerġija u jiżguraw security of supply. F’dan il-kuntest issir emfasi qawwija u partikolari fuq l-enerġija alternattiva u rinovabbli. Qbil ieħor kien li hemm bżonn ta’ miżuri li jippromwovu l-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija għaliex dawn jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti biex ireġġgħu lura l-prezzijiet għolja.
L-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li sa tmiem dis-sena tippreżenta analiżi tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija b’attenzjoni partikolari fuq l-impatt fuq il-familji, n-negozji u l-industriji.
Il-gvern jilqa’ b’mod pożittiv ħafna dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill. L-UE qed tibgħat messaġġ ċar dwar l-impenn tagħha li jiġu indirizzati l-prezzijiet tal-enerġija u l-impatt tagħhom fuq il-kwalita’ tal-ħajja u fuq it-tkabbir ekonomiku.
Il-gvern Malti jinsab miexi fid-direzzjoni maqbula l-ġimgħa li għaddiet fi Brussel bejn il-mexxeja Ewropej, fid-dawl tal-mandat li ingħata fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Anzi nasal biex ngħid li bid-diskussjoni dwar l-enerġija li bdejna mill-Oppożizzjoni ħames snin ilu antiċipajna diskussjonijiet f’livell Ewropew u nistgħu ngħidu li l-isfidi f’dan il-qasam nifmuhom u qed nindirizzawhom.
F’linja ma’ dak li qabel fuq l-Kunsill Ewropew il-ġimgħa li għaddiet l-impenn tal-gvern jibqa’ li jassigura li l-kontijiet jkunu soċjalment u ekonomikament ġusti u finanzjarjament affordabbli għall-familji u n-negozji.
Nemmen li rridu nindirizzaw il-prezzijiet tal-enerġija ghax inħossu, f’Malta, imma anke fl-Ewropa, li qed jikber il-fenomenu ta’ energy proverty. F’dan il-kuntest nemmen li fil-politika tal-enerġija tagħna għandna nipproteġu dawk l-iktar li qed ibatu u li qed jispiċċaw jaraw tnaqqir serju fil-livell tal-għejxien tagħhom.
Nemmnu wkoll fi provvista tal-enerġija ambjentalment nadifa. Huwa għalhekk li l-gvern anki hawnhekk beda jwettaq il-mandat li ngħata biex jimplimenta programm ta’ bidla minn teknoloġija dipendenti fuq iż-żejt li jħammeg għal waħda nadifa li taħdem bil-gass kif ukoll komplejna nsaħħu l-iskemi għall-energija alternattiva biex inlaħħqu mal-miri tal-2020 li fl-aħħar snin bħala pajjiż waqajna lura ħafna fihom.
Il-mira aħħarija ta’ dan il-Gvern tibqa’ li jkollna provvista tal-enerġija elettrika li tkun orħos, effiċjenti, sostenibbli u sigura.
Nemmnu bħala Gvern li l-għanijiet tagħna fl-enerġija għandhom ikomplu jsaħħu l-ekonomija tagħna kemm mil-lat ta’ kif iħarsu lejna investituri barranin li jridu provvista kontinwa u effiċjenti tal-elettriku, jgħin lill-investiment u l-business lokali li jrid jinvesti iktar fix-xogħol u l-ħaddiema u inqas fl-elettriku u b’mod partikolari jgħin lill-familji u negozji zgħar billi jkollhom iktar flus fil-but. Dan huwa parti mill-pjan tagħna li nkomplu naraw tkabbir ekonomiku sostenibbli.
TASSAZZJONI
Fil-qasam tat-tassazzjoni l-Kunsill qabel li għandu jkun aċċellerrat ix-xogħol fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u kontra l-frodi. U dan bil-għan li l-pajjiżi membri jħassru d-dhul finanzjarju tagħhom waqt li tkun żgurata l-fiduċja pubblika fis-sistemi tat-tassazzjoni. Kien hemm qbil li biex dawn l-għanijiet jintlaħqu hemm bżonn ta’ miżuri kollettivi kemm fuq livelli nazzjonali, fuq livell Ewropew u fuq livell dinji.
Malta tilqa’ dan l-iżvilupp b’mod pożittiv. U dan għaliex pajjiżna huwa pajjiż li lest jilqa’ l-investiment fi ħdanu iżda mhux lest li jservi bħala ċentru biex fih jinħbew il-flus.
L-evażjoni u frodi tat-taxxa huma fenomeni internazzjonali u ma jolqtux biss l-Ewropa. B'hekk sar appell biex l-azzjonijiet isiru b'mod kordinat fuq livell globali.
F’dan il-każ il-Gvern Malti wassal il-punti tiegħu biex jipproteġi l-interess nazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni. Irridu nibqgħu naħdmu bil-galbu u b’kunsens wiesgħa biex inħarsu dak kollu li ksibna bħala pajjiż.
KONKLUŻJONI
Dan il-Kunsill ta' jum li ffoka fuq l-oqsma tal-enerġija u tassazzjoni kien wieħed pożittiv għal Malta fis-sens li għal darb'oħra urejna li fuq kwistjonijiet Ewropej nistgħu, b'ħidma serja, nantiċipaw iż-żminijiet u nkunu ppreparati fuq livell Ewropew biex nitkellmu kif wettaqna ċerti affarijiet li pajjiżi oħra jkunu għadhom iridu jibdew jiddiskutu.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028