DISKORS MILL-BRIGADIER MARTIN XUEREB FL-OKKAŻJONI TAL-PASSING OUT PARADE TAR-REKLUTI L-ĠODDA – IL-ĦAMIS 23 TA’ MEJJU
Onorevoli Ministru,
Segretarju Parlamentari
Mistednin distinti oħra,
Sinjuri,
L-ewwel u qabel kollox nixtieq nilqa’ lill Onorevoli Mallia għal din l-ewwel esperjenza tiegħu bħala reviewing officer. Nixtieq ukoll nirrinrazzjah tal-interess personali li ħa biex ikun jaf aktar dwar dan ir-reklutaġġ u dwar l-okkażjoni tal-lum.
Suldati ġodda tal Forzi Armati ta’ Malta, ftit tax xhur ilu inthom kontu fost dawk li rċevew l istedina biex isiru suldati. Kienu ħafna li wrew l-interess però intom biss irnexxielkom issarfu l-istedina fl-okkażjoni tal-lum. Intom biss kontu kapaċi twasslu sal-aħħar ix-xewqa tagħkom biex isservu lill pajjiżkom bħala membri fil Forzi Armati ta’ Malta.
Ma għandix dubju li llum hija ġurnata li ser tibqgħu tiftakruha tul ħajjitkom kollha. Quddiem mistednin distinti, l għeżież tagħkom u quddiem membri msieħba fl-istess Forza qegħdin issiru membri sħaħ tal Forzi Armati ta’ Malta, istituzzjoni żagħżugħa u dinamika. Waħda li tibni fuq it-tajjeb tal passat u tħares dejjem ’il quddiem.
Huwa għalhekk illi lejn il-futur intom tridu tħarsu. Mhux biss il-futur tagħkom, imma wkoll il futur ta’ din l-istituzzjoni tant għażiża għalina. Dan għaliex il-ġejjieni ta’ din il-forza jiddependi wkoll fuqkom. Għalhekk filwaqt illi nħeġġiġkom biex tagħmlu kull sforz biex tirnexxu u timxu ’l quddiem, ma tagħmlux l-avvanz personali tagħkom l-għan ewlieni ta’ ħajjitkom. Ftakkru illi għandna bżonnkom. Żommu f’moħħkom li mingħajr il membri tagħha din il Forza ma tiswa xejn. Dejjem ftakkru illi s-saħħa tagħna hija bħal ħabel tal qanneb. Meta jinstilet ma jiswa xejn, però meta l ħjut huma magħqudin, il ħabel kapaċi jġorr piż liema bħalu.
Bla dubju r Reklutaġġ kien sfida kbira għalikom. Possibbilment għal xi wħud l-akbar sfida li qatt affrontajtu. L-awgurju tiegħi hu illi issa tifhmu l-għan tar Reklutaġġ. Nispera illi diġà qegħdin tagħtu sens għal dak illi forsi fl-ewwel ġimgħat ħassejtu illi m’hu xejn ħlief għajjat fil-vojt u strapazz żejjed. Żgur illi meta ser tkunu f’sitwazzjonijet partikolari u delikati ser tapprezzaw aktar minn issa, l-bżonn li naħdmu bħala tim, li tiżguraw illi l-biċċa tagħkom bħala individwi ma tkunx il-ħolqa dgħajfa fil-katina.
Fil jiem li ġejjin ser tirraportaw fil post tax xogħol assenjat lilkom. Bħal dejjjem aħna nieħdu rendikont tax-xewqat tagħkom però mhux kulħadd ser ikun kuntent sa barra bil-posting tiegħu. Forsi ser ikun hemm xi wħud li ser ikunu xi ftit diżappuntati madanakollu ftakkru dejjem li kull wieħed u waħda minnkom ser imur fejn hemm bżonn. Nitlobkom għalhekk biex tkunu fejn tkunu tagħmlu l almu tagħkom. Kunu suldati professjonali, u determinati li tirnexxu. Kunu mudelli għal dawk li ser jiġu warajkom u ambaxxaturi ta’ din il Forza il-ħin kollu u mhux biss meta lebsin l-uniformi.
Suldati ġodda, intom illum ser tibdew tagħmlu parti minn Forza illi b’għaqal u entużjażmu rnexxiela twessa l orrizonti u żżid l opportunitajiet għall membri tagħha. Illum aħna naħdmu għall ġid ta’ Malta barra minn xtutna. Nagħtu kontribut biex bħala pajjiż sovran, membru tal Unjoni Ewropea u tan Nazzjonijiet Uniti nassiguraw il paċi u l prosperità ’l bogħod minna. Nistidinkom biex tkunu kunfidenti u kuraġġuzi fl-għażliet tagħkom. Inħeġġiġkom titgħallmu mit-tajjeb mhux titħajjru minn dak li huwa faċli. M’għandi l-ebda dubju li intom ser tkunu għaqlija biżżejjed biex taffaċċjaw l isfidi u tibdluhom f’opportunitajiet. Ċert li ser tħaddnu l kunċett ta’ life long learning u ż żerriegħa li nżergħet u nibtet waqt dan ir-Reklutaġġ ser tindukrawha. Da parti nassigurakom li ser nagħmel dak li nista biex l-ilma ma jonqosx madankollu t tisqija f’idejkom.
Nixtieq ngħalaq billi għal darb’oħra nirringrazzja lill Ministru tal preżenza tiegħu fostna. Nixtieq nirringrazzjah tal fiduċja li wera fina u għax-xewqa tiegħu li jara Forza miexja ’l quddiem.
Nirringrazzja wkoll lis-Segretarju Parlamentari Buontempo tal preżenza tiegħu u tas-support illi ser ikompli jagħti lill-iskema tal-Atleta Suldat.
Grazzi wkoll lil dawk kollha li ħarrġukom tul dawn l aħħar erba’ xhur. Tagħhom mhu xogħol faċli xejn; dawn l erba xhur sfida kontinwa għalihom ukoll. Nirringrazzjahom ukoll talli preparawkom għal parata verament eċċellenti.
Grazzi wkoll lill għeżież tagħkom illi f’dawn l aħħar ġimgħat tawkom l appoġġ meħtieġ. Nitlobhom ikunu kburin bikom u bl-għażla li għamiltu.
Fl aħħar nett, lilkom quddiemi, f’isem il membri kollha tal Forza nifirħilkom u nawguralkom suċċess fil karriera tagħkom.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en