DISKORS MILL-ONOR. MANUEL MALLIA, MINISTRU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI, FL-OKKAŻJONI TAL-PASSING OUT PARADE TAR-REKLUTI L-ĠODDA – IL-ĦAMIS 23 TA’ MEJJU 2013
Kap Kmandant,
Suldati ġodda,
Mistiedna Distinti,
Sinjuri,
Inħossni onorat li f’jum daqshekk importanti llum ninsab fostkom.
Onorat nassisti għall-ferħ li jinsab fuq wiċċ t-tmienja u sebgħin suldat ġdid wara li rnexxilhom ilestu b’suċċess il-kors ta’ preparazzjoni li jdum erba’ xhur u nofs. Xhur ta’ sagrifiċċji, ta’ sfidi kontinwi, iżda anke ta’ kisbiet. Illum hija l-ewwel kisba tagħkom – irnexxielkom itemmu l-kors b’suċċess - sirtu suldati. Biss dan huwa il-bidu tal-avventura tagħkom. Il-karriera tagħkom fil-Forzi Armati hija karriera li tirrikjedi li tegħlbu l-isfidi ta’ kuljum. F’isem il-pajjiż qed inpoġġi fuqkom ir-responsabbilta’ li sservu lill-pajjiż b’lealtà , b’sens ta’ dover u b’rispett. Iżda kunu afu li r-rispett huwa reċiproku – l-pajjiż jirrispetakom u l-gvern ser jagħmel minn kollox biex juri magħkom dan ir-rispett. Dan billi jismagħkom, kif jien personali u anke permezz tal-istaff tiegħi, digà bdejt nagħmel u fejn hu possibbli jittieħdu r-rimedji neċessarji biex jissolvew il-problemi li taffaċjaw. Aħna rridu li tmorru fuq il-post tax-xogħol tagħkom ferħanin u kburin b’dak li qed tagħmlu. Kif il-gvern huwa kburi bl-Armata ta’ Malta.
Tmienja u sebgħin rekluta llum saru suldati. Fost dawn hemm biss ħames nisa li hawnhekk nifirħilhom tal-kuraġġ li wrew li jagħżlu karriera ta’ dixxiplina u servizz għall-pajjiżna. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-Armata għadha baxxa – problema li ma nsibux biss fl-Armata iżda fuq bażi lokali. L-istatistika Ewropea turi li pajjiżna jinsab fl-aħħar post fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Il-medja ta’ nisa fl-Armata hija biss ta’ erbgħa punt tlieta fil-mija. Hawn biss ħames fizzjali nisa minn total ta’ mija u sitta, jigifieri ftit inqas minn ħamsa fil-mija (4.27%) u minn total ta’ elf erba’ mija erbgħa u ħamsin suldat, għandna biss tnejn u ħamsin suldat mara, ftit inqas minn erbgħa fil-mija (3.57%). Hawnhekk għalhekk nerġa’ nfakkarhom bl-impenn tal-gvern li jżid iċ-child care centres sabiex in-nisa jkomplu bil-karriera tagħhom. Dan għax nemmnu li huwa importanti u essenzjali li jkollna n-nisa jaħdmu fl-Armata. Qed niftakar fil-magazine ‘On Parade’ li jiġi ppublikat mill-uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Armata. Fuq il-paġni ta’ ġewwa hemm sezzjoni imsejħa ‘Pink Corner’ fuq nisa li huma attivi fl-Armata. Qrajt dwar l-ispirtu kompetittiv waqt li dawn in-nisa suldati jmorru fuq taħrig barra minn Malta. Jittestjaw il-karattru tagħhom u anke ġisimhom kemm jiflaħ għall-isforz fiżiku. Qed insemmi dawn iċ-ċirkostanzi biex tkunu tafu li napprezza l-isforz li tagħmlu għall-armata u għall-pajjiż. U aħna bħala gvern ser inroddu lura dan l-apprezzament billi ngħinuk bil-fatti – kif ġa għedt aktar child care centres ħalli ssibu sostenn fihom u ninsabu wkoll fi proċess biex nanalizzaw x’għajnuna tista’ tingħata ffukata lejn is-suldati nisa bit-tama li digà jinħass l-impatt ta’ dawn id-deċiżjonijiet meta jinfetħu applikazzjonijiet għar-rekluti ġodda.
Hawn tnax-il suldat ġdid mill-Gżira Għawdxija. Naf ukoll għax smajtkom u għax qrajt anke ittri fuq il-ġurnali dwar it-tbatija żejda li tgħaddu minnha intom u l-familji tagħkom minħabba li jkollkom taqsmu l-fliegu xi drabi ta’ kuljum biex tirrapurtaw għax-xoghol Malta. Hemm patrol boat f’Għawdex u anke Records Back-Up Office f’Għawdex bl-għan li jiżdiedu l-impjiegi għas-suldati Għawdxin f’Għawdex stess. Dawk li bdew is-servizz qabel l-elfejn u ħamsa fil-maġġoranza tagħhom qed jaħdmu Għawdex u ser inkomplu naħdmu biex fejn possibbli aktar suldati għawdxin jaħdmu f’Għawdex stess jew almenu l-Mosta biex ikunu eqreb iċ-Ċirkewwa. Naqbel ukoll ma’ sistema li qed tiġi adotata diġà mill-Armata li s-suldati Għawdxin jaħdmu b’xift ta’ day night rest off biex talinqas ma jitilgħux u jinżlu ta’ kuljum minn Malta għal Għawdex u fejn possibbli tliet suldati Għawdxin ikunu fuq l-istess xift biex jużaw karozza waħda.
Fost dawk li llum huma suldati ġodda, hawn ukoll it-tiratur ta’ fama internazzjonali, William Chetcuti. Proset William u grazzi talli offrejt is-servizzi tiegħek lill-Forzi Armati. William qed jibbenefika mill-iskema li beda l-gvern preċedenti li tinkoraġġixxi lill-isportivi professjonali li jissieħbu fl-armata taħt l-iskema twenty twenty – li jagħmlu għoxrin siegħa f’taħriġ fid-dixxiplina sportiva tagħhom u għoxrin siegħa fl-Armata. Skema li bdieha l-gvern preċedenti u fl-opinjoni ta’ dan il-gvern hi skema tajba u għalhekk biħsiebu jkompli. Tant li fil-każ ta’ William Chetcuti li hu professjonist fuq livell mondjali, l-iskema ġiet estiża biex William jagħmel tmien sigħat fil-ġimgħa mal-Armata u l-kumplament iddedikata għall-isports tiegħu f’dan il-każ sparar.
Sinjuri,
Is-suċċess tal-Forzi Armati hu bbażat fuq żewġ fatturi – it-taħriġ tas-suldati kif ukoll l-infrastruttura moderna.
Bdejna billi nħejju l-istrutturi neċessarji sabex ikun hemm pjan strateġiku u operattiv bl-għan li jiġi definit b’aktar relevanza għall-ħtiġijiet tal-lum l-għan u l-iskop tal-forzi Armati fil-kuntest nazzjonali, reġjonali, Ewropew kif ukoll tad-dinja
Rigward it-taħriġ, l-armata innominat għaxar voluntiera biex jipparteċipaw fil-proċess ta’ għażla biex imorru jaħdmu mal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Libja biex jgħinu l-awtoritajiet isaħħu s-sigurtà fil-pajjiż. Tifhmu li minn operazzjoni bħal din ser tigwadanja Malta minħabba li l-Libja hija ġar tagħna u għalhekk dak li jiġri f’dan il-pajjiż jaffetwa lilna ukoll.
L-Olanda ukoll stiednet lill-Armata Maltija biex suldati jitħarrġu fil-ġlieda kontra l-piraterija fis-Somalja.
F’Ġunju (bejn 16 – 21) f’pajjiżna ser ikun hawn ukoll taħriġ bl-isem ta’ Canale li ser issir b’kollaborazzjoni bejn l-Armata Maltija u dik Taljana.
Dan il-gvern jemmen li t-taħriġ internazzjonali huwa essenzjali għas-suldati tagħna. U kien għalhekk li bejn Mejju u April wieħed u għoxrin suldat attendew jew għadhom qed jattendu taħriġ barra minn pajjiżna fosthom fl-Istati Uniti , ir-Renju Unit, l-Italja, l-Irlanda, il-Ġermanja , il-Polonja u r-Repubblika Ċeka. Bit-taħriġ tagħkom barra minn pajjiżna mhux biss qed tagħmlu ġid għalikom stess iżda qed tagħmlu ġieh lill-Armata kif ukoll lill-pajjiżna.
L-investiment fl-Armata ser ikompli għaddej. Investiment ta’ mitejn u ħamsin elf euro fi proġett biex tiġi installata sistema ta’ fire-fighting u servizzi ta komunikazzjoni fil-hanger il-ġdid fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Hemm bosta proġetti oħra, fosthom biex ikun hemm għajnuna għas-sorveljanza matul il-lejl f’dak li jirrigwarda immigrazzjoni irregolari. Dan il-proġett jiswa’ sebgħa mitt elf euro. Dawn huma kollha proġetti kofinanazjati mill-Unjoni Ewropea. Hawnhekk bħalissa l-Ministeru tiegħi qed jilqa’ proposti mill-Armata dwar proġetti li jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-programm finanzjarju 2014 sa 2020. Ma’ dawn qed neżaminaw liema proposti elettorali jistgħu jkunu finanzjati mill-fondi Ewropew b’għan wieħed – dak li pajjiżna jisfrutta bl-aħjar mod possibbli l-isħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Hawnhekk quddiemkom nerġa’ ntenni dak li aħna proponejna fil-Manifest Elettorali – li dan il-gvern hu kommess li jiġu rranġati u mmodernizzati l-barracks filwaqt li naċċertaw aktar investiment fir-riżorsi li l-Forzi Armati għandhom bżonn biex jaqdu aħjar il-funzjoni ta’ sigurtà tal-pajjiż.
Sinjuri,
Dan huwa jum li ser tibqgħu tiftakruh flimkien mal-familja tagħkom tul ħajjitkom kollha. Ser nibqa’ niftakru anke jien għax l-ewwel darba li bħala Ministru tal-Intern qed nassisti għal dan l-avveniment. Hawnhekk il-gvern tagħna sa mill-ewwel jum tiegħu ħa d-deċiżjoni li l-intern ikun separat minn mal-ġustizzja. Din id-deċiżjoni tirrifletti l-importanza li ngħatat lil dan is-settur.
F’idejkom suldati ġodda għandkom il-futur tal-Armata. F’isem il-gvern u l-poplu kollu nirringrazzjakom talli għamiltu din l-għażla. Nirringrazzja lis-suldati kollha tas-sagrifiċċji li jagħmlu. Nirringrazzja wkoll lill-għalliema tagħkom u lill-Kap Kmandant tas-sehem li tagħtu b’sens ta’ lealtà lejn pajjiżna.
Aħna kburin bl-Armata ta’ pajjiżna.
Grazzi
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en