Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. MANUEL MALLIA, MINISTRU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI, FL-OKKAŻJONI TAL-PASSING OUT PARADE TAR-REKLUTI L-ĠODDA – IL-ĦAMIS 23 TA’ MEJJU 2013

pr1074
Date Icon 23/05/2013

Kap Kmandant,

Suldati ġodda,

Mistiedna Distinti,

Sinjuri,

Inħossni onorat li f’jum daqshekk importanti llum ninsab fostkom.

Onorat nassisti għall-ferħ li jinsab fuq wiċċ t-tmienja u sebgħin suldat ġdid wara li rnexxilhom ilestu b’suċċess il-kors ta’ preparazzjoni li jdum erba’ xhur u nofs. Xhur ta’ sagrifiċċji, ta’ sfidi kontinwi, iżda anke ta’ kisbiet. Illum hija l-ewwel kisba tagħkom – irnexxielkom itemmu l-kors b’suċċess  - sirtu suldati. Biss dan huwa il-bidu tal-avventura tagħkom. Il-karriera tagħkom fil-Forzi Armati hija karriera li tirrikjedi li tegħlbu l-isfidi ta’ kuljum. F’isem il-pajjiż qed inpoġġi fuqkom ir-responsabbilta’ li sservu lill-pajjiż b’lealtà , b’sens ta’ dover u b’rispett. Iżda kunu afu li r-rispett huwa reċiproku – l-pajjiż jirrispetakom u l-gvern ser jagħmel minn kollox biex juri magħkom dan ir-rispett. Dan billi jismagħkom, kif jien personali u anke permezz tal-istaff tiegħi, digà bdejt nagħmel u fejn hu possibbli jittieħdu r-rimedji neċessarji biex jissolvew il-problemi li taffaċjaw. Aħna rridu li tmorru fuq il-post tax-xogħol tagħkom ferħanin u kburin b’dak li qed tagħmlu. Kif il-gvern huwa kburi bl-Armata ta’ Malta.

Tmienja u sebgħin rekluta llum saru suldati. Fost dawn hemm biss ħames nisa li hawnhekk nifirħilhom tal-kuraġġ li wrew li jagħżlu karriera ta’ dixxiplina u servizz għall-pajjiżna. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-Armata għadha baxxa – problema li ma nsibux biss fl-Armata iżda fuq bażi lokali. L-istatistika Ewropea turi li pajjiżna jinsab fl-aħħar post fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Il-medja ta’ nisa fl-Armata hija biss ta’ erbgħa punt tlieta fil-mija. Hawn biss ħames fizzjali nisa minn total ta’ mija u sitta, jigifieri ftit inqas minn ħamsa fil-mija (4.27%) u minn total ta’ elf erba’ mija erbgħa u ħamsin suldat, għandna biss tnejn u ħamsin suldat mara, ftit inqas minn erbgħa fil-mija (3.57%). Hawnhekk għalhekk nerġa’ nfakkarhom bl-impenn tal-gvern li jżid iċ-child care centres sabiex in-nisa jkomplu bil-karriera tagħhom. Dan għax nemmnu li huwa importanti u essenzjali li jkollna n-nisa jaħdmu fl-Armata. Qed niftakar fil-magazine ‘On Parade’ li jiġi ppublikat mill-uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Armata. Fuq il-paġni ta’ ġewwa hemm sezzjoni imsejħa ‘Pink Corner’ fuq nisa li huma attivi fl-Armata. Qrajt dwar l-ispirtu kompetittiv waqt li dawn in-nisa suldati jmorru fuq taħrig barra minn Malta. Jittestjaw il-karattru tagħhom u anke ġisimhom kemm jiflaħ għall-isforz fiżiku. Qed insemmi dawn iċ-ċirkostanzi biex tkunu tafu li napprezza l-isforz li tagħmlu għall-armata u għall-pajjiż. U aħna bħala gvern ser inroddu lura dan l-apprezzament billi ngħinuk bil-fatti – kif ġa għedt aktar child care centres ħalli ssibu sostenn fihom u ninsabu wkoll fi proċess biex nanalizzaw x’għajnuna tista’ tingħata ffukata lejn is-suldati nisa bit-tama li digà jinħass l-impatt ta’ dawn id-deċiżjonijiet meta jinfetħu applikazzjonijiet għar-rekluti ġodda.

Hawn tnax-il suldat ġdid mill-Gżira Għawdxija. Naf ukoll għax smajtkom u għax qrajt anke ittri fuq il-ġurnali dwar it-tbatija żejda li tgħaddu minnha intom u l-familji tagħkom minħabba li jkollkom taqsmu l-fliegu xi drabi ta’ kuljum biex tirrapurtaw għax-xoghol Malta. Hemm patrol boat f’Għawdex u anke Records Back-Up Office f’Għawdex bl-għan li jiżdiedu l-impjiegi għas-suldati Għawdxin f’Għawdex stess. Dawk li bdew is-servizz qabel l-elfejn u ħamsa fil-maġġoranza tagħhom qed jaħdmu Għawdex u ser inkomplu naħdmu biex fejn possibbli aktar suldati għawdxin jaħdmu f’Għawdex stess jew almenu l-Mosta biex ikunu eqreb iċ-Ċirkewwa. Naqbel ukoll ma’ sistema li qed tiġi adotata diġà mill-Armata li s-suldati Għawdxin jaħdmu b’xift ta’ day night rest off biex talinqas ma jitilgħux u jinżlu ta’ kuljum minn Malta għal Għawdex u fejn possibbli tliet suldati Għawdxin ikunu fuq l-istess xift biex jużaw karozza waħda.

Fost dawk li llum huma suldati ġodda, hawn ukoll it-tiratur ta’ fama internazzjonali, William Chetcuti. Proset William u grazzi talli offrejt is-servizzi tiegħek lill-Forzi Armati. William qed jibbenefika mill-iskema li beda l-gvern preċedenti li tinkoraġġixxi lill-isportivi professjonali li jissieħbu fl-armata taħt l-iskema twenty twenty – li jagħmlu għoxrin siegħa f’taħriġ fid-dixxiplina sportiva tagħhom u għoxrin siegħa fl-Armata. Skema li bdieha l-gvern preċedenti u fl-opinjoni ta’ dan il-gvern hi skema tajba u għalhekk biħsiebu jkompli. Tant li fil-każ ta’ William Chetcuti li hu professjonist fuq livell mondjali, l-iskema ġiet estiża biex William jagħmel tmien sigħat fil-ġimgħa mal-Armata u l-kumplament iddedikata għall-isports tiegħu f’dan il-każ sparar.

Sinjuri,

Is-suċċess tal-Forzi Armati hu bbażat fuq żewġ fatturi – it-taħriġ tas-suldati kif ukoll l-infrastruttura moderna.

Bdejna billi nħejju l-istrutturi neċessarji sabex ikun hemm pjan strateġiku u operattiv bl-għan li jiġi definit b’aktar relevanza għall-ħtiġijiet tal-lum l-għan u l-iskop tal-forzi Armati fil-kuntest nazzjonali, reġjonali, Ewropew kif ukoll tad-dinja

Rigward it-taħriġ, l-armata innominat għaxar voluntiera biex jipparteċipaw fil-proċess ta’ għażla biex imorru jaħdmu mal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Libja biex jgħinu l-awtoritajiet isaħħu s-sigurtà fil-pajjiż. Tifhmu li minn operazzjoni bħal din ser tigwadanja Malta minħabba li l-Libja hija ġar tagħna u għalhekk dak li jiġri f’dan il-pajjiż jaffetwa lilna ukoll.

L-Olanda ukoll stiednet lill-Armata Maltija biex suldati jitħarrġu fil-ġlieda kontra l-piraterija fis-Somalja.

F’Ġunju (bejn 16 – 21) f’pajjiżna ser ikun hawn ukoll taħriġ bl-isem ta’ Canale li ser issir b’kollaborazzjoni bejn l-Armata Maltija u dik Taljana.

Dan il-gvern jemmen li t-taħriġ internazzjonali huwa essenzjali għas-suldati tagħna. U kien għalhekk li bejn Mejju u April wieħed u għoxrin suldat attendew jew għadhom qed jattendu taħriġ barra minn pajjiżna fosthom fl-Istati Uniti , ir-Renju Unit, l-Italja, l-Irlanda, il-Ġermanja , il-Polonja u r-Repubblika Ċeka. Bit-taħriġ tagħkom barra minn pajjiżna mhux biss qed tagħmlu ġid għalikom stess iżda qed tagħmlu ġieh lill-Armata kif ukoll lill-pajjiżna.

L-investiment fl-Armata ser ikompli għaddej. Investiment ta’ mitejn u ħamsin elf euro fi proġett biex tiġi installata sistema ta’ fire-fighting u servizzi ta komunikazzjoni fil-hanger il-ġdid fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Hemm bosta proġetti oħra, fosthom biex ikun hemm għajnuna għas-sorveljanza matul il-lejl f’dak li jirrigwarda immigrazzjoni irregolari. Dan il-proġett jiswa’ sebgħa mitt elf euro. Dawn huma kollha proġetti kofinanazjati mill-Unjoni Ewropea. Hawnhekk bħalissa l-Ministeru tiegħi qed jilqa’ proposti mill-Armata dwar proġetti li jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-programm finanzjarju 2014 sa 2020. Ma’ dawn qed neżaminaw liema proposti elettorali jistgħu jkunu finanzjati mill-fondi Ewropew b’għan wieħed – dak li pajjiżna jisfrutta bl-aħjar mod possibbli l-isħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Hawnhekk quddiemkom nerġa’ ntenni dak li aħna proponejna fil-Manifest Elettorali – li dan il-gvern hu kommess li jiġu rranġati u mmodernizzati l-barracks filwaqt li naċċertaw aktar investiment fir-riżorsi li l-Forzi Armati għandhom bżonn biex jaqdu aħjar il-funzjoni ta’ sigurtà tal-pajjiż.

Sinjuri,

Dan huwa jum li ser tibqgħu tiftakruh flimkien mal-familja tagħkom tul ħajjitkom kollha. Ser nibqa’ niftakru anke jien għax l-ewwel darba li bħala Ministru tal-Intern qed nassisti għal dan l-avveniment. Hawnhekk il-gvern tagħna sa mill-ewwel jum tiegħu ħa d-deċiżjoni li l-intern ikun separat minn mal-ġustizzja. Din id-deċiżjoni tirrifletti l-importanza li ngħatat lil dan is-settur.

F’idejkom suldati ġodda għandkom il-futur tal-Armata. F’isem il-gvern u l-poplu kollu nirringrazzjakom talli għamiltu din l-għażla. Nirringrazzja lis-suldati kollha tas-sagrifiċċji li jagħmlu. Nirringrazzja wkoll lill-għalliema tagħkom u lill-Kap Kmandant tas-sehem li tagħtu b’sens ta’ lealtà lejn pajjiżna.

Aħna kburin bl-Armata ta’ pajjiżna.

Grazzi

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow