IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JINAWGURA IX-XOGĦLIJIET LI SARU FIL-KAPPELLA RUSSA
Il-President ta’ Malta Dott. George Abela lbieraħ inawgura x-xogħlijiet li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar sena u nofs fil-Kappella Russa li tinsab fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Sant’Anton għandu żewġ kappelli li għandhom storja u stil arkitettoniku differenti minn xulxin. Fil-kappella tal-Madonna tal-Pilar sar xogħol ta’ restawr speċjalment fis-saqaf u llum ħadet aspett isbaħ u hija miftuħa għall-pubbliku. Il-kappella l-oħra hija dik magħrufa bħala l-Kappella Russa. Din il-kappella għandha storja interessanti li tmur lura sal-epoka kolonjali. Bdiet bħala kappella Protestanta għall-użu tal-Gvernaturi Ingliżi u l-familji tagħhom u mbagħad, fit-tieni nofs tas-seklu dsatax, giet trasformata f’Kappella Ortodossa Russa.
Dak li wassal għal bidla insolita bħal din kien il-fatt li d-Duka ta’ Edinburgh ta’ dak iż-żmien, l-Altezza Rjali Tiegħu l-Prinċep Alfred, li kien it-tieni iben tal-Maestà Tagħha r-Reġina Vittorja, kien miżżewweġ lill-Gran Dukessa Maria Alexandrovna, bint l-Imperatur tar-Russja Alexander it-Tieni. Dik il-ħabta, il-Prinċep Alfred kien stazzjonat Malta bħala uffiċjal tar-Royal Navy u l-koppja kienet tirrisjedi Sant’Anton. Peress li d-Dukessa kienet intitolata bil-kuntratt matrimonjali li tipprattika liberament il-fidi Ortodossa tagħha, il-kappella Protestanta bdiet tintuża bħala kappella Russa Ortodossa.
Minn eżami tal-kappella, beda jidher li kien hemm ħsara fil-bini kkawżata mill-umdità. Għaldaqstant, biex tiġi kkontrollata l-umdità u tiġi mħarsa l-ġebla, saru xogħlijiet estensivi li jinkludu tħaffir ta’ gandotti taħt l-art sabiex jippermettu ċ-ċirkolazzjoni tal-arja kif ukoll ittieħdu miżuri biex, fejn kien possibbli, tiġi iżolata l-ġebla mill-umdità.
Diġà kien sar xogħol ta’ pittura fuq stil Biżantin fil-koppla minn artist Russu, Nikolai Mushkin, li jirraffigura l-erba’ evanġelisti. Dan kien fi żmien il-President Ugo Mifsud Bonnici, iżda l-President George Abela kellu x-xewqa li l-kappella tingħata aktar aspett konformi mal-isem tagħha ta’ kappella Russa. Għaldaqstant, ġie kkommissjonat xogħol ta’ pittura fuq l-istil tradizzjonali Russu u nġiebu artisti Russi kwalifikati f’istituzzjoni Russa bħala speċjalisti fil-ġeneru. Saru żewġ kwadri għal fuq il-ġnub, wieħed li juri n-Natività u l-ieħor it-Tieġ ta’ Kana. Inġiebu wkoll mir-Russja ħames vetrati, tnejn kbar li juru lil Kristu Rxoxt u lill-Verġni Marija li jidhru taħtha San Ġorġ Preca, il-Venerabbli Adeodata Pisani u l-Venerabbli Nazju Falzon. It-tliet vetrati l-oħra huma lunetti li jirrappreżentaw il-qaddisin protetturi ta’ Malta u r-Russja, San Pawl Nawfragu u San Ġorġ u t-tielet waħda turi l-ħamiema bħala s-simbolu tal-Ispirtu s-Santu.
Il-paviment tal-kappella ġie magħmul mill-ġdid b’xogħol fl-irħam, iz-zokklatura madwar il-ħitan ġiet miksija bl-injam u saret sistema ġdida tal-illuminazzjoni.
Dan ix-xogħol ġie sponsorizzat ġenerożament minn koppja Russa s-Sur u s-Sinjura Bodishtianu li huma d-diretturi tar-Russian Boarding School Malta. Ix-xogħol kollu sar taħt is-superviżjoni ta’ Dott. Anthony Pace, Sopraintendent tal-Wirt Kulturali.
“Il-kappella hija waħda Kattolika imma llum, permezz tad-dekor ġdid li għamilna, naħseb li aktar minn qabel jixirqilha tissejjaħ “Kappella Russa”. Ta’ kull sena f’Jannar, fi żmien il-Milied skont il-kalendarju liturġiku tal-Knisja Russa Ortodossa, fil-kappella jsiru kunċerti minn artisti Russi u l-post jintuża fi żminijiet oħra tas-sena biex isiru kunċerti u attivitajiet kulturali varji.
Naħseb li l-Kappela Russa hija unika fil-ġeneru tagħha hawn Malta u jidhirli li qed issaħħaħ il-patrimonju artistiku nazzjonali tagħna.” Hekk temm jgħid il-President Abela fid-diskors tal-ftuħ waqt serata li ġiet organizzata sabiex twassal għall-inawgurazzjoni tal-Kappella.
Bħalissa fil-kappella Russa qed issir esebizzjoni unika ta’ ikoni miġjuba mir-Russja li jmorru lura sas-sittax-il seklu.
Il-pubbliku huwa mistieden jżur din il-wirja u wkoll jara ix-xogħlijiet li saru fil-Kappella Russa bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en