Left arrow Go Back

IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JINAWGURA IX-XOGĦLIJIET LI SARU FIL-KAPPELLA RUSSA

pr1064
Date Icon 23/05/2013

Il-President ta’ Malta Dott. George Abela lbieraħ inawgura x-xogħlijiet li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar sena u nofs fil-Kappella Russa li tinsab fil-Palazz ta’ Sant’Anton. 

Sant’Anton għandu żewġ kappelli li għandhom storja u stil arkitettoniku differenti minn xulxin.  Fil-kappella tal-Madonna tal-Pilar sar xogħol ta’ restawr speċjalment fis-saqaf u llum ħadet aspett isbaħ u hija miftuħa għall-pubbliku. Il-kappella l-oħra hija dik magħrufa bħala l-Kappella Russa.  Din il-kappella għandha storja interessanti li tmur lura sal-epoka kolonjali. Bdiet bħala kappella Protestanta għall-użu tal-Gvernaturi Ingliżi u l-familji tagħhom u mbagħad, fit-tieni nofs tas-seklu dsatax, giet trasformata f’Kappella Ortodossa Russa.

Dak li wassal għal bidla insolita bħal din kien il-fatt li d-Duka ta’ Edinburgh ta’ dak iż-żmien, l-Altezza Rjali Tiegħu l-Prinċep Alfred, li kien it-tieni iben tal-Maestà Tagħha r-Reġina Vittorja, kien miżżewweġ lill-Gran Dukessa Maria Alexandrovna, bint l-Imperatur tar-Russja Alexander it-Tieni.  Dik il-ħabta, il-Prinċep Alfred kien stazzjonat Malta bħala uffiċjal tar-Royal Navy u l-koppja kienet tirrisjedi Sant’Anton. Peress li d-Dukessa kienet intitolata bil-kuntratt matrimonjali li tipprattika liberament il-fidi Ortodossa tagħha, il-kappella Protestanta bdiet tintuża bħala kappella Russa Ortodossa.

Minn eżami tal-kappella, beda jidher li kien hemm ħsara fil-bini kkawżata mill-umdità.  Għaldaqstant, biex tiġi kkontrollata l-umdità u tiġi mħarsa l-ġebla, saru xogħlijiet estensivi li jinkludu tħaffir ta’ gandotti taħt l-art sabiex jippermettu ċ-ċirkolazzjoni tal-arja kif ukoll ittieħdu miżuri biex, fejn kien possibbli, tiġi iżolata l-ġebla mill-umdità.

Diġà kien sar xogħol ta’ pittura fuq stil Biżantin fil-koppla minn artist Russu, Nikolai Mushkin, li jirraffigura l-erba’ evanġelisti. Dan kien fi żmien il-President Ugo Mifsud Bonnici, iżda l-President George Abela kellu x-xewqa li l-kappella tingħata aktar aspett konformi mal-isem tagħha ta’ kappella Russa. Għaldaqstant, ġie kkommissjonat xogħol ta’ pittura fuq l-istil tradizzjonali Russu u nġiebu artisti Russi kwalifikati f’istituzzjoni Russa bħala speċjalisti fil-ġeneru. Saru żewġ kwadri għal fuq il-ġnub, wieħed li juri n-Natività u l-ieħor it-Tieġ ta’ Kana. Inġiebu wkoll mir-Russja ħames vetrati, tnejn kbar li juru lil Kristu Rxoxt u lill-Verġni Marija li jidhru taħtha San Ġorġ Preca, il-Venerabbli Adeodata Pisani u l-Venerabbli Nazju Falzon.  It-tliet vetrati l-oħra huma lunetti li jirrappreżentaw il-qaddisin protetturi ta’ Malta u r-Russja, San Pawl Nawfragu u San Ġorġ u t-tielet waħda turi l-ħamiema bħala s-simbolu tal-Ispirtu s-Santu.

Il-paviment tal-kappella ġie magħmul mill-ġdid b’xogħol fl-irħam, iz-zokklatura madwar il-ħitan ġiet miksija bl-injam u saret sistema ġdida tal-illuminazzjoni.

Dan ix-xogħol ġie sponsorizzat ġenerożament minn koppja Russa s-Sur u s-Sinjura Bodishtianu li huma d-diretturi tar-Russian Boarding School Malta. Ix-xogħol kollu sar taħt is-superviżjoni ta’  Dott. Anthony Pace, Sopraintendent tal-Wirt Kulturali.

“Il-kappella hija waħda Kattolika imma llum, permezz tad-dekor ġdid li għamilna, naħseb li aktar minn qabel jixirqilha tissejjaħ “Kappella Russa”. Ta’ kull sena f’Jannar, fi żmien il-Milied skont il-kalendarju liturġiku tal-Knisja Russa Ortodossa, fil-kappella jsiru kunċerti minn artisti Russi u l-post jintuża fi żminijiet oħra tas-sena biex isiru kunċerti u attivitajiet kulturali varji.

Naħseb li l-Kappela Russa hija unika fil-ġeneru tagħha hawn Malta u jidhirli li qed issaħħaħ il-patrimonju artistiku nazzjonali tagħna.” Hekk temm jgħid il-President Abela fid-diskors tal-ftuħ waqt serata li ġiet organizzata sabiex twassal għall-inawgurazzjoni tal-Kappella.

Bħalissa fil-kappella Russa qed issir esebizzjoni unika ta’ ikoni miġjuba mir-Russja li jmorru lura sas-sittax-il seklu.

Il-pubbliku huwa mistieden jżur din il-wirja u wkoll jara ix-xogħlijiet li saru fil-Kappella Russa bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow