FETĦU L-MALTA SPORTS SCHOLARSHIPS 2013
Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol illum ħabbar li fetħet l-iskema tal-Malta Sports Scholarships għal din is-sena. Din l-iskema hija maħsuba għal dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw fit-taħriġ ta’ xi dixxiplina sportiva jew inkella akkademikament f’suġġett relatat mal-qasam tal-isport.
L-iskop ta’ din l-iskema ta’ boroż ta’ studju huwa li aktar individwi jitħajru jidħlu għal professjonijiet relatati mal-isport jew għal dixxiplini sportivi speċifiċi. B’hekk, ikompli jogħla l-livell f’kull dixxiplina sportiva u jiżdied l-għadd ta’ nies professjonali li jissapportjaw lill-atleti.
Meta kien qed nindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar il-ftuħ tal-iskema, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, qal li kull min se jibbenefika minn dawn il-boroż ta’ studju se jkun qed jagħmel investiment fit-tul għalih innifsu u għal pajjiżna. Huwa qal li l-Gvern jemmen bis-sħiħ li lill-atleti lokali għandhom jingħatawlhom aktar opportunitajiet bħal dawn.
Kulħadd jista’ japplika għal dawn il-boroż ta’ studju, inkluż dawk ta’ età żgħira. Fil-każ ta’ tfal fl-età tal-edukazzjoni obbligatorja, dawn iridu jagħmlu arranġamenti separati biex jibqgħu jmorru l-iskola fil-pajjiż fejn ikunu se jmorru jistudjaw jew jitħarrġu.
Preżenti għall-konferenza, li saret fir-Royal Malta Golf Club il-Marsa, kien hemm ukoll, fost l-oħrajn, id-Direttur tad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, Mario Azzopardi, u ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, Jonathan Barbara.
Id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet hi nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Ġunju, 2013. Ir-regolamenti, il-formola tal-applikazzjoni, kif ukoll il-formola tal-ittra ta’ referenza jinstabu fuq is-siti elettroniċi www.myscholarship.gov.mt u www.sportmalta.org.mt. F’każ ta’ diffikultà, wieħed jista’ jibgħat email fuq sportsscholarships.mede@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en