Left arrow Go Back

XOGĦOL TA’ RESTAWR FUQ IL-KNISJA PARROKKJALI TA’ SAN BASTJAN

pr1059
Date Icon 22/05/2013

Dalgħodu l-Onor. Josè Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali żar ix-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq il-Knisja Parrokkjali ta’ San Bastjan.

Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċati qiegħed isir mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali taħt id-direzzjoni tal-Perit Hermann Bonnici. Is-Segretarju Parlamentari faħħar dan ix-xogħol li qed isir mill-ħaddiema tal-gvern.

Ix-xogħol ta’ restawr inbeda f’Marzu ta’ din is-sena u mistenni jieħu madwar sena biex jitlesta. 

Waqt żjara, li s-Segretarju Parlamentari għamel fuq il-post ġie spjegat lilu x-xogħol li qed isir fuq il-faċċati tal-knisja li għandhom diversi ħsarat u li fil-parti l-kbira tagħhom ġew ikkawżati minn gassijiet li nsibu fid-dħaħen kif ukoll mill-elementi naturali. 

Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li s-swidija, li hemm taħt il-gwarniċi u l-gwarniċuni, hija fil-parti l-kbira kkawżata mill-ossidu sulforiku (sulphur dioxide) li nsibu fid-dħaħen. Dan integra mal-ġebla u fforma lega ħoxna   ta’ kulur iswed li tagħmel ħafna ħsara lill-ġebla.  F’partijiet oħra tal-faċċata hemm lega ta’ ħażiż (algae) li tagħti dehra sewdenija lill-ġebla.  Fil-partijiet ta’ fuq tal-knisja l-iktar fejn jaqbel ir-riħ, hemm ukoll diversi ħsarat li ġew ikkawżati minħabba l-kristallizzazzjoni tal-melħ.  Dan il-proċess kkawża t-tmermir tal-ġebla bil-konsegwenza li ntilfu ħafna mid-dettalji arkitettoniċi.  Irriżulta wkoll li wieħed mill-kampnari tal-knisja għandu wkoll problemi strutturali li jridu jiġu indirizzati. 

Ġie ukoll spjegat lis-Segretarju Parlamentari li x-xogħol kollu ta’ restawr li qiegħed isir fuq din il-knisja huwa wieħed delikat ħafna fejn qegħdin jintużaw mezzi u materjali li jiggarantixxu li ma ssirx ħsara lill-bini.  Il-ħmieġ qiegħed jitneħħa minn fuq il-ġebla permezz ta’ broxkijiet żgħar tan-nylon filwaqt li ħmieġ iktar iebes qiegħed jitrattab permezz ta’ impakki tal-karta li jiġu applikati fuq il-ġebla. 

L-uffiċjali inkarigati li qed jagħmlu dan ix-xogħol qalu li dan l-intervent imbagħad jitkompla billi wara li jitrattab il-ħmieġ dan jitneħħa  b’paċenzja kbira mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr permezz ta’ surgical knives.  Il-fili kollha miftuħin qegħdin jitkaħħlu mill-ġdid b’tajn magħmul mill-ġir biex ma jagħmilx ħsara lill-ġebla.

Is-Segretarju Parlamentari qal li x-xogħlijiet kollha ta’ restawr qegħdin isiru skont prassi internazzjonali ta’ restawr u qed tingħata kull attenzjoni biex kull intervent ikun riversibbli. Huwa qal li sal-lum tlesta x-xogħol fuq l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett u nbeda x-xogħol fuq it-tieni fażi li jinkludi l-faċċata kif ukoll il-kampnar tan-naħa tax-xellug tal-knisja. 

Sfond Storiku

Fl-1873 l-Isqof Pace Forno ħareg digriet sabiex tinbena knisja żgħira ddedikata lil San Bastjan fil-viċinanzi ta’ statwa tal-qaddis li kienet saret bħala ringrazzjament wara li Malta nħelset mill-pesta tal-1813.  Fl-1880 il-bini tal-knisja beda taħt is-supervisjoni ta’ l-arkitett Ġuzeppi Borg imlaqqam ‘tal-Lira’. Il-Knisja damet għaxar snin biex tinbena peress li ma kienx hemm biżżejjed flus. Kienet imbierka fid-disgħa ta’ Marzu 1890 minn  Mons. Ġużeppi Mercieca vikarju tal-isqof Pietro Pace, fil-preżenza tal-kappillan ir-Reverendu Manuel Pace.  L-iktar li jispikkaw fil-knisja huma l-kampnari. Inbnew fuq angolu ta’ 45° mal-faċċata peres li l-knisja qiegħda f’kantuniera bejn żewġ toroq. Dan jagħti sens ta’ kontinwità lill-faċċata mal-ġnub tal-knisja. Il-faċċata hija maqsuma fi tliet sezzjonijiet orizzontali u mibnija fuq tliet ordnijiet klassiċi , Kompost, Korintu u Ioniku.

Għalkemm kien hemm il-ħsieb li l-knisja jkollha koppla, dan qatt ma seħħ, probabbilment minħabba nuqqas ta’ fondi.

Fl-1905 numru ta’ benefatturi li kienu jgħixu viċin tal-knisja taw arloġġ biex jiġi installat fil-kampnar tax-xellug.  Dan l-arloġġ sar minn Giuseppe u Lorenzo Suban mill-Birgu u  għadu jaħdem tajjeb sal-lum.

Il-knisja saret parroċċa sekondarja fl-1918, meta l-Arċisqof Maurus Caruana ffirma d-digriet fid-dsatax ta’ Ġunju, u mbagħad saret parroċċa fl-1936.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow