DISKORS MILL-ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KOMPETITTIVITÀ U T-TKABBIR EKONOMIKU, F’GĦELUQ IL-KONFERENZA DDEDIKATA GĦALL-JUM MARITTIMU EWROPEW - VALLETTA - 21 TA’ MEJJU 2013
Il-Konferenza ddedikata għall-Jum Marittimu Ewropew 2013, tat l-opportunità lill-parteċipanti kollha biex jiltaqgħu flimkien taħt saqaf wieħed u jiddiskutu l-ideat tagħhom. Jiena konvint li l-Konferenza 2013, se tilħaq l-għanijiet tagħha sabiex jiżdiedu l-għarfien u l-viżibbiltà dwar l-importanza tal-ibħra Ewropej, dan żgur li ser iwassal biex ikollna ‘Blue Economy’ b’saħħitha; li toħloq progress ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi u impjiegi ta’ kwalità.
Matul dawn il-jumejn Malta bħala Stat Membru se tieħu rwol proattiv fit-tfassil tal-politika marittima futura tal-Ewropa. Il-mod ta’ kif giet organizzata din il-Konferenza tkompli tenfasizza l-ħtieġa ta’ appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri ta' turiżmu kostali u marittimu fl-Ewropa, inkluż il-wirt marittimu u kostali, nawtiku, tal-‘cruiseliners’ u attivitajiet ta' divertiment.
Il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta tidentifika wkoll l-importanza tal-ippjanar, l-iżvilupp u t-tħaddim tan-‘networks’ tat-trasport trans-Ewropej. Dan jikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Finalment, din twassal għal mobilità sostenibbli ta’ persuni u merkanzija u tassigura l-aċċessibilità għar-reġjuni kollha tal-Unjoni.
Il-Konferenza ddedikata għall-Jum Marittimu Ewropew qed turi b’mod ċar li hija għodda addizzjonali li ssaħħaħ it-trasparenza fid-deċiżjonijiet tal-Ewropa, dan għaliex qed tinvolvi b’mod dirett lill-partijiet interessati fit-tfassil tal-politika marittima. Għal Malta dan l-involviment huwa meqjus kruċjali sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ sħubija ġdida bejn l-‘stakeholders’ kollha, dan jiżgura l-ħolqien tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali aktar konkret.
L-Ewropa tinsab f’salib it-toroq. Nemmen bi sħiħ li l-triq 'il quddiem għandha tkun dik li b’mod kollettiv tiffoka fuq it-teħid ta’ numru ta’ deċiżjonijiet sostenibbli u realistiċi, fejn l-objettiv ikun wieħed ċar; ‘Blue Growth fl-Ewropa mingħajr dewmien’
Wara dawn il-jumejn ta’ diskussjonijiet, kollha kemm aħna għandna naħdmu bi sħiħ biex ta’ bilħaqq niksbu riżultati sodisfaċenti relatati ma’ Blue Growth. Metaforikament nitkellem, dan il-proċess huwa simili għall-proċess ta’ bini ta’ bastiment, fejn dan tal-aħħar jinvolvi ħafna xogħol u dedikazzjoni. L-istess xogħol u dedikazzjoni għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna biex verament inkunu nistgħu nilħqu dan it-tkabbir ekonomiku.
Fil-każ tagħna, l-għanijiet ewlenin ta’ Malta huma li nisfruttaw u nimmasimizzaw il-mezzi kollha relatati mas-settur marittimu sabiex inkunu nistgħu nappoġġjaw tkabbir sostenibbli, kompetittività u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Nemmen bi sħiħ li kemm is-sessjoni politika tal-lum, kif ukoll ta’ għada ddedikata għal is-‘stakeholders’ ser joffru bosta idejat siewja kif ukoll r-rieda politika meħtieġa li nimbarkaw fuq dan il-vjaġġ tant meħtieġ.
Sabiex nagħmel dan, nixtieq infakkarkom dwar l-għodda kollha li għandna fl-idejna, li jinkludu ‘Limassol Declaration’ u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-‘Blue Economy Agenda’, fejn din tal-aħħar tinkludi l-impenn politiku lejn il-‘Blue Economy’. Issa jeħtieġ li npoġġu l-kompetenzi rilevanti flimkien sabiex nibdew din il-ħidma. Biex noperaw b'mod effettiv u niksbu l-iskop aħħari tagħha, għandna bżonn li jiġu maqbula numru ta’ standards stabbiliti minn regolamenti internazzjonali.
Kwalunkwe, proposti leġiżlattivi fil-qafas tal-Politika Marittima Integrata (IMP), li huma direttament immirati biex jilħqu l-għanijiet li qed jiġu diskussi matul din il-Konferenza, għandhom jiġu strutturati b'tali mod li mhux biss jimminimizzaw il-piżijiet amministrattivi iżda wkoll biex jippermettu spazju adekwat sabiex l-Istati Membri differenti jkun jistgħu jopperaw skont iċ-ċirkostanzi tagħhom.
Il-messaġġ tagħna huwa wieħed ċar, ma għandux jkun hemm dewmiem fil-proċess, iżda jeħtieġ li naħdmu flimkien u nikkoperaw sabiex nilħqu l-miri tagħna. Nemmen li dawn iż-żewġ ġranet ser jagħtu lok għal diskussjonijiet produttivi u l-quċċata ta’ ideat. Ix-xogħol tagħna fuq dawn jumejn m'għandux jieqaf hawn, irridu naġixxu fuq dak li għandna konkluż.
Fi ħdan il-qafas tal-IMP għandna nimbarkaw fuq proġetti realistiċi u aktar effettivi li jiżguraw li l-għanijiet u l-objettivi jkunu milħuqa; għaldaqstant għandna nagħżlu proġetti li huma pragmatiċi u realistiċi li jqisu l-isfidi b’mod ħolistiku li malajr qed jinbidlu fl-industrija tal-baħar u dik marittima. Aħna lkoll għandna nisimgħu b'attenzjoni għal dak li se jiġi espress għada waqt l-‘istakeholders day’.
Fuq nota finali, irrid ngħid li jekk aħna verament nemmnu li nistgħu nilħqu l-għanijiet diskussi matul din il-Konferenza Ewropea jeħtieġ nadottaw politika realistika, effettiva u sostenibbli u din għandha titwettaq mingħajr l-ebda piż żejjed fuq l-industriji rispettivi. L-attivitajiet Ewropej dwar l-oċeani u l-ibħra għandhom isiru b'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. Huwa wkoll vitali li l-politiki futura, li għandha implikazzjoni diretta jew indiretta fuq l-‘Blue Growth Agenda’, tkun adottata b’mod integrali.
Wasal il-ħin biex ngħaddu tmun lill-Bremen. Nawgurawlhom l-aqwa xewqat lill-belt ta 'Bremen u nassigurakom li Malta hija lesta li toffri kwalunkwe għajnuna biex tiżgura suċċess fill-Konferenza ddedikata għall-Jum Marittimu Ewropew 2014.
Nixtieq ukoll nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-Kummissjoni Ewropea u t-tim tagħha għall-kooperazzjoni li wrew u assistenza li huma pprovdew matul il-proċess ta’ tħejjija fil-mixja lejn din il-Konferenza. Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-uffiċjali kollha Maltin li ħadmu bla heda biex jiżguraw li din l-istorja tkun suċċess.
Grazzi tal-attenzjoni tagħkom
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en