Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. KARMENU VELLA, MINISTRU GĦAT-TURIŻMU, WAQT KONFERENZA FL-OKKAŻJONI TAL-JUM MARITTIMU EWROPEW 2013 – IL-BELT VALLETTA – IT-TLIETA 21 TA’ MEJJU 2013

pr1045
Date Icon 21/05/2013

Kummissarju Damanaki,

Kollegi Ministri,

Kelliema Distinti,

Sinjuri…

F’isem pajjiżi, Malta, nagħtikom merħba għall-konferenza tal-Jum Marittimu Ewropew 2013.  Iżda qabel ma’ nitkellem dwar it-tema ewlenija tal-konferenza, nixtieq nirringrazzja lill-Kummissjoni Ewropea li għoġobha torganizza din il-konferenza f’Malta, u tal-għajnuna kollha lill-awtoritajiet Maltin, biex din il-konferenza tkun suċċess. 

Huwa ta’ unur għalija, li llum qed nindirizza din il-konferenza ġewwa Malta. Għalina, it-tema magħżula għall-Jum Marittimu Ewropew 2013, għandha sinifikat interessanti għax tiffoka fuq it-turiżmu kostali u marittimu.

L-għanijiet prinċipali li għalihom twaqqaf il-Jum Marittimu Ewropew huma:

• Li niċċelebraw l-importanza enormi u r-rwoli varji tal-ibħra u l-oċeani tagħna.

• Li noħolqu għarfien akbar dwar l-opportunitajiet kbar li joffrulna l-ibħra ta’ madwarna, speċjalment għal ħolqien ta’ impjiegi ġodda b’kundizzjonijiet aħjar, fl-ekonomija marittima.

• Li nkunu kommessi, li filwaqt li nkabbru l-ekonomija marittima, nibqgħu determinati li dan it-tkabbir isir bl-iktar mod sostenibbli.  

Mingħajr dubju, il-gżejjer Maltin huma eżempju ħaj tar-rilevanza u l-importanza tal-ibħra tagħna. Il-baħar ta’ madwarna huwa l-qofol ekonomiku u soċjali tagħna. F’pajjiżna, arċipelagu ta’ gżejjer, wieħed jista jara kif l-art u l-baħar jikkumplimentaw lil xulxin, u kif aħna niddependu bil-kbir fuq il-baħar fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Saħansitra niddependu fuq il-baħar ankè għall-ilma li nixorbu, peress li l-ilma tax-xorb tagħna huwa msaffi mill-ilma baħar permezz ta’ proċess ta’ desalinazzjoni. Ankè l-ekonomija tagħna tiddependi mill-baħar għal numru ta’ attivitajiet importanti bħal per eżempju dawk tal-Port Ħieles, ġarr bil-vapuri tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti, l-industrija tas-sajd, is-settur tal-Cruise Liners, kif ukoll l-industrija tat-turiżmu.

Fis-settur tat-turiżmu, kważi impossibbli tifred il-baħar mill-prodott turistiku tagħna. Il-kwalità u l-indafa tal-ilma fl-ibħra ta’ madwarna huma tal-ogħla livell fil-baċir Mediterran kollu. Fatt li aħna tassew kburin bih, u wieħed mill-fatturi li qed jiġbdu turisti lejn gżiritna matul is-sajf u x-xitwa.

Malta u Għawdex qegħdin dejjem ikabbru r-reputazzjoni tagħhom bħala destinazzjoni għad-Diving.  Skont stħarriġ li sar fost l-eluf ta’ qarrejja tal-magażin influwenti internazzjonali “Diver”, Malta spiċċat fost l-aqwa destinazzjonijiet tad-diving fid-dinja; ksibna l-ewwel post fl-Ewropa u t-tielet post minn madwar id-dinja wara l-Maldives u l-Baħar l-Aħmar.

It-turiżmu jattira ukoll ħafna viżitaturi li jżuruna fuq vapuri tat-turisti. Fl-2012, daħlu fil-portijiet ta’ Malta 322 Cruise Liners, li b’kollox ġarrew l-fuq minn 600,000 passiġġier, il-biċċa l-kbira mill-Ġermanja, l-Italja, Franza, ir-Renju Unit, Spanja u l-Istati Uniti – żjieda ta’ 9 fil-mija fuq is-sena preċedenti għal dak li hu numru ta’ passiġġieri.  

Ħafna miż-żoni turistiċi ewlenin tagħna jinsabu mal-baħar – bħal Belt Valletta, tas-Sliema, San Ġiljan, Buġibba u l-Qawra, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u Għawdex. Disa’ u disgħin fil-mija (99%) tal-akkomodazzjoni turistika tinsab mal-kosta. Għaldaqstant inħossu il-bżonn, li jkollna l-inħawi marittimi b’ekoloġija u ambjent mill-aqwa; li jkollna baħar mingħajr periklu u mħares minn kull theddid ta’ tniġġiż; kif ukoll li jkollna kosta attraenti.

Bla dubju ta’ xejn, it-turiżmu kostali u marittimu għandu rwol kruċjali fl-ekonomija ta’ gżejjer bħal Malta. Imma mhux biss. Il-komunikat tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tkabbir tal-ekonomija Marittima – il-Blue Growth – identifika b’mod partikolari it-turiżmu kostali u marittimu bħala wieħed mill-ħames oqsma prinċipali li jistgħu jwasslu għat-tkabbir sostenibbli u żieda f’impjiegi bħala parti mill-ekonomija marittima fl-Unjoni Ewropea. 

It-tkabbir previst fit-turiżmu marittimu Ewropew sas-sena 2020, meta mqabbel mas-sena 2010, huwa ta’ bejn tnejn u tlieta fil-mija (2% - 3%). Il-previżjonijiet ta’ tkabbir fis-settur tal-Cruise Liners fl-istess perijodu, huwa ta’ 100,000 impjieg. Għaldaqstant dan is-settur jistħoqlu attenzjoni partikolari kemm minn dawk li jfasslu l-politika marittima, kif ukoll minn dawk li joperaw u li għandhom x’jaqsmu mas-settur. Fil-sitwazzjoni ekonomika ta’ llum, hija xi ħaġa pożittiva li nisimgħu b’dawn il-prospetti ta’ tkabbir ekonomiku. Però d-deċiżjonijiet u l-miżuri li nieħdu, jistgħu jgħinu jew ifixklu lil dawn il-previżjonijiet ta’ tkabbir. Aħna responsabli biex dan it-tkabbir iseħħ b’mezzi sostenibbli u li l-ġid li jinħoloq minn dan it-tkabbir jitqassam b’mod ġust. 

Malta, l-iżgħar stat fi ħdan l-Unjoni Ewropea, hija mikrokożmu fejn kull impatt, sew pożittiv jew negattiv, jinħass u jidher mill-ewwel.

Għaldaqstant, jiena nemmen li Malta tista taqsam bosta esperjenzi u tidentifika ħafna sfidi fil-kuntest ta’ tfassil u implimentazzjoni ta’ politika Marittima komuni Ewropea.

Sfida li kull destinazzjoni turistika qed tiffaċċja hija dik ta’ staġjonalità. F’Malta ppruvajna nikkreaw offerti u esperjenzi turistiċi immirati lejn niċeċ differenti immirati għas-sena kollha - bħal wirt kulturali, programmi u attivitajiet, is-suq tal-konferenzi, it-tagħlim tal-Ingliż, u bosta oħrajn. 

B’riżultat ta’ dan, illum nilqgħu kwazi 1,400,000 turist fis-sena, li jiġġeneraw iktar minn 12 il-miljun Guestnights. Parti minn dan it-tkabbir kien reġistrat anke fix-xhur tax-xitwa. B’hekk is-settur turistiku f’pajjiżna jibqa attiv tul is-sena kollha.

Jekk dan in-numru ta’ turisti ma jkunx immaniġġjat tajjeb, jew jaqbeż il-carrying capacity tagħna, allura jista’ jkollna problema.

Malta, li għandha popolazzjoni ta’ aktar minn erba’ mitt elf (400,000) fuq medda ta’ art tlett mija u sittax (316) il-kilometru kwadru, hija l-pajjiż fl-Ewropa bl-ikbar popolazzjoni għal kull kilometru kwadru – il-population density.  Dan il-fatt waħdu ukoll joffri sfida ta’ kif nimmaniġġjaw ir-riżorsi kostali u marittimi tagħna. Dan is-suġġett se jkun diskuss iktar tard illum u anke f’xi workshops għada. 

F’Malta, peress li l-art hija l-aktar riżors skars u ta’ valur, l-ikbar sfida hija dejjem dik tal-ippjanar tal-art. L-istess jgħodd ukoll għall-ippjanar tal-ispazju marittimu minħabba l-iskarsezza ta’ dan ir-riżors. Ħa ntikom xi eżempji. Fejn nistgħu inqegħdu l-offshore wind farms, il-yacht marinas, il-faċilitajiet tal-portijiet?  Kull forma ta’ żvilupp viċin tal-kosta se jkollu xi tip ta’ impatt – potenzjalment impatt fuq il-bijodiversità, ċertament impatt viżwali, imma fuq kollox jaffettwa żgur l-industrija u l-attività turistika. 

Fuq kollox, irridu niżguraw dejjem illi l-karatteristiċi kollha naturali u endemiċi tal-kosta Maltija jkunu konservati u mħarsa.   Il-kosta tal-gżejjer Maltin tinkorpora taħlita mżewwqa ta’ bajjiet – bir-ramel, biċ-ċagħaq jew tal-blat – daħliet, irdum, għerien, portijiet, meded ta’ blat aħrax, oħrajn aktar lixxi, widien..... insomma, kosta relattivament qasira iżda tassew diversa, rikka u partikolarment unika f’bosta modi. Preġju ewlieni tal-prodott turistiku tagħna, li forsi xi drabi neħduh... bħalma ngħidu bl-Ingliż... xi ftit ‘For Granted’. 

Meta tqis li disa’ u disgħin fil-mija (99%) tal-akkomodazzjoni turistika tagħna tinsab f’żoni kostali, iż-żamma tas-sbuħija ta’ dawn iz-zoni trid tiġi indirizzata. Ċertament, il-bajjiet mhux biss huma attrazzjoni ewlenija għat-turiżmu marittimu u kostali, imma huma il-prodott bażiku għat-turist tas-sajf.  Fid-dawl ta’ dan kollu, irridu nibdew naħsbu kif ser ikunu affettwati l-bajjiet u l-ekosistemi kostali tagħna bħala riżultat tat-tibdil fil-klima.

Illum, qed naraw ukoll numru ta’ attivitajiet marittimi ġodda, bħal per eżempju, l-akwakultura, marinas, windfarms fuq il-baħar, u reklamazzjoni tal-art mill-baħar. Dawn l-attivitajiet, jekk isiru viċin ħafna tal-kosta, jistgħu ibiddlu il-karatteristiċi tal-istess kosta.  Wisq probabbli, l-ewwel settur li sejjer jintlaqat ħażin biż-żieda sostanżjali fid-domanda għal ‘spazju’ marittimu, se jkun dak tat-turiżmu kostali.

Dawn l-isfidi li qed insemmi huma biss uħud mill-isfidi li għandhom quddiemhom id-destinazzjonijiet turistiċi simili tagħna. Dawn jinħtieġ li jkunu diskussi bir-reqqa fi kwalunkwe taħdidiet dwar l-immaniġġjar sostenibbli marittimu u kostali.

Iżda minkejja l-isfidi, għandna quddiemna wkoll numru ta’ opportunitajiet.  Nemmen li għad hemm lok biex inkabbru it-turiżmu marittimu ibbażat fuq l-immaniġġjar ta’ żoni marittimi protetti, fuq il-wirt marittimu, u fuq il-karatteristiċi ġeografiċi li jiffurmaw iż-żoni kostali tagħna. Dawn il-punti ma japplikawx biss għal Malta imma għall-Ewropa ukoll. Jekk nieħdu l-Malta bħala eżempju, jien konvint li nistgħu nagħmlu iktar fir-rigward ta’ promozzjoni tal-wirt marittimu tagħna, u biex it-turist verament igawdi dan il-patrimonju meraviljuż. Per eżempju is-swar u l-fortifikazzjonijiet madwar il-kosta tagħna għandhom dehera wisq isbaħ minn naħa tal-baħar milli minn naħa tal-art.

Il-wirt Marittimu tagħna huwa indubbjament qasam fejn l-Unjoni Ewropea tista’ żżid mal-valur tal-istati membri individwali, kif ukoll tista tkabbar il-kompetittività u toħloq iktar impjiegi. Madankollu, irridu niżguraw illi għandna ħaddiema kapaċi, u bl-aħjar taħriġ li kapaċi jisfruttaw opportunitajiet li niltaqgħu magħhom. Irridu ninvestu f’nies li jgħixu u jaħdmu fiż-żoni kostali – nies li huma involuti f’attività turistika marittima.

It-turiżmu jiddependi fuq relazzjonijiet u skambji, bejn popli u kulturi. Dawn ir-relazzjonijiet u l-iskambji nistgħu insibuhom sew fuq vapuri turistiċi.  Is-settur tal-cruising qed jiżdied b’rata impressjonanti, il-bastimenti dejjem jikbru, il-faċilitajiet tal-portijiet qed ikollhom jadattaw għal dawn il-bżonnijiet, filwaqt li s-sigurtà trid dejjem tiġi imħarsa. L-iktar minħabba il-pożizzjoni strateġika tagħna, Malta qed tgawdi sew mit-tkabbir fis-suq tal-Cruises. Madankollu, anke hawn jeżistu ħafna sfidi.  Bħala eżempju nista nsemmi deċiżjonijiet li jkomplu jgħollu l-ispejjeż tal-operat, u l-kompetizzjoni qalila li teżisti minn pajjiżi u destinazzjonijiet barra l-Unjoni Ewropea.  Bla dubju, anke dawn il-punti ser ikunu diskussi fis-sezzjoni ta’ wara nofsinhar illum u waqt il-workshops ta’ għada.

Jekk l-isfidi tal-lum ma jiġux indirizzati malajr, jistgħu ixekluna milli nilħqu it-tkabbir sostenibbli fl-ekonomija marittima.

Illum, meta qed naraw kemm hu importanti l-ispazju marittimu fl-istrateġija Ewropea 2020, u meta qed naraw setturi ġodda jikkompetu għall-istess spazju u għall-istess riżorsi marittimi, it-turiżmu kostali u marittimu qed jiffaċċja l-isfida li ma jibqax fuq quddiem fl-ekonomija marittima. Kull min għandu sehem fit-tfassil tal-politika marittima, irid ikun konxju minn dan u jagħraf l-importanza u l-valur tat-turiżmu bħala settur marittimu. Irridu nżommu quddiem għajnejna wkoll il-fatt li t-turiżmu ma jiġġenerax biss dħul u mpjiegi, iżda jippermetti ukoll li jkun hemm distribuzzjoni aktar wiesgħa tad-dħul – xi ħaġa li ma ssibiex f’setturi marittimi ġodda. 

Irridu nifhmu li anke marġini ta’ profitti baxxi jistgħu ikunu theddida għas-settur turistiku. L-investiment jista’ jiġi ridirett mis-settur turistiku f’setturi oħra jew imur f’pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, fejn il-marġini ta’ profitti jkunu ikbar. Operaturi tal-ivjaġġar jistgħu idawwru l-attenzjoni tagħhom lejn pajjiżi oħra, u sidien ta’ lukandi jduru għas-suq tal-proprjetà. Irridu nirrikonoxxu li hemm ħafna setturi u attivitajiet ġodda, kollha jikkompetu għall-istess riżorsi marittimi. Nirrikonoxxu ukoll in-nuqqas ta’ ħaddiema imħarġġa, motivati u professjonali fis-settur, minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istaġjonalita li qed jheddu is-sostenibbiltà tat-turiżmu.

Fil-fehma tiegħi, biex negħlbu dawn l-isfidi, irridu nikkonċentraw il-potenzjal kollu tal-ibħra ta’ madwar l-Ewropa biex noħolqu l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Tista’ ssir promozzjoni effettiva tad-diversità rikka tal-kosta u ż-żoni marittimi Ewropej, filwaqt li l-immaniġġjar u l-ħarsien tal-istess riżorsi isir skond il-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli. Kemm fuq livell Ewropew, kif ukoll fuq livell ta’ stati membri, jinħtieġ nindirizzaw it-tfassil ta’ politika marittima, fejn setturi ekonomiċi oħra ma jikbrux għad-detriment tas-settur turistiku. Irridu ninvestu fir-riċerka u tagħrif sabiex nifhmu aħjar it-turiżmu marittimu u kostali.  Jinħtieġ illi l-leġislazzjoni Ewropea tappoġġja lit-turiżmu f’dan il-qasam. Irridu naħdmu biex iċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea japprezza u jifhem aħjar il-valur tar-riżorsi marittimi u kostali tagħna.

Nixtieq inżid ukoll, illi fil-fehma tiegħi, l-istrateġija tal-Kummissjoni għat-turiżmu marittimu u kostali, għandha tieħu in kunsiderazzjoni żewġ elementi partikolari. L-ewwel, li din l-istrateġija tikkontempla miżuri addizzjonali li jgħinu lil kompetittività ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), permezz ta’ għodod finanzjarji li jinkoraġġixxu l-investiment fl-offerta turistika u l-immaniġġjar ambjentali. It-tieni, li din l-istrateġija tagħti importanza xierqa lit-turiżmu marittimu u kostali f’destinazzjonijiet li huma gżejjer, u li jiddependu ħafna fuq it-turiżmu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom.

Biex niksbu tkabbir marittimu permezz tat-turiżmu, irridu nindirizzaw l-isfidi li diġà ssemmew, filwaqt li nibnu fuq l-opportunitajiet li nkunu identifikajna. Nittama sinċerament illi titqanqal diskussjoni effettiva dwar dawn l-isfidi u l-opportunitajiet, kif ukoll dwar oħrajn relatati ma’ l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar it-turiżmu marittimu u kostali. Nixtieq nerġa’ nirringrazzjakom ilkoll tal-parteċipazzjoni tagħkom f’din il-konferenza, u nispera li ssibu l-ħin biex tgawdu ftit mill-esperjenza ta’ Malta Marittima, jekk mhux f’din iż-żjara, nawgura li tkunu tistgħu tagħmlu dan fi żjara oħra.

Sinjuri... Grazzi. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow