TIBDA L-KONFERENZA LI QED TOSPITA MALTA FL-OKKAŻJONI TAL-JUM MARITTIMU EWROPEW 2013 BIT-TEMA: COASTAL DEVELOPMENT AND SUSTAINABLE MARITIME TOURISM: AN INVESTMENT FOR BLUE GROWTH
Dalgħodu f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bdiet titlaqqa’ l-konferenza dwar il-Jum Marittimu Ewropew 2013 u li għaliha qed jattendu mijiet ta’ delegati minn pajjiżi differenti. Il-konferenza li hija mifruxa fuq jumejn qed tkun organizzata b’mod konġunt mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Ekonomija Investiment u Intrapriżi Żgħar u għaliha qed tattenti fost l-oħrajn il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u Sajd Maria Damanaki.
F’konferenza tal-aħbarijijet konġunta aktar kmieni dalgħodu, il-Ministru għat-Turiżmu, l-Onor. Karmenu Vella, iddeskriva t-tema magħżula għall-konferenza bħala opportunità għal pajjiżi żgħar bħal Malta.
Semma’ kif wieħed mill-għanijiet tal-konferenza hu dak li titqajjem aktar kuxjenza fuq l-opportunitajiet li l-ibħra Maltin u l-akwati kostali kapaċi joffru.
Il-Ministru għat-Turiżmu saħaq li pajjiżi żgħar bħal Malta għandhom sfidi x’jiffaċċjaw fejn aktar ma jgħaddi żmien aktar qed tiżdied l-attività kostali, u dan kollu qed iwassal għal kompetizzjoni għal aktar spazju u riżorsi.
Fl-istess ħin iżda jeżistu wkoll opportunitajiet, bil-Ministru Vella jgħid li t-turiżmu huwa wieħed mis-setturi li jikkontribwixxi bil-kbir f’ekonomiji bħal ta’ Malta, b’madwar tnax fil-mija b’mod dirett u ħamsa u għoxrin fil-mija b’mod indirett.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona qal li politika marittima integrata huwa żvilupp importanti ħafna għal Malta. Saħaq li l-konferenza organizzata f’Malta tirrikonoxxi li l-iżvilupp marittimu ma jistax ikun indirizzat b’mod sekulari imma b’mod ħolistiku.
Il-Ministru Cardona tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti għall-inizjattiva li qed tieħu l-Kummissjoni Ewropea tal-Blue Growth. Qal li l-Gvern jemmen li d-Direttorat Ġenerali għall-affarijiet Marittimi fiż-żmien li ġej għandu jiffoka partikolarment fuq din l-inizjattiva, bil-għan li titħejja road map ta’ kif għandhom jitwettqu l-prinċipji.
Dr. Chris Cardona qal li l-inizjattiva Blue Growth hija waħda ambizzjuża, għalhekk l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea għandhom jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni Ewropea biex din tiġi implimentata. Malta, sostna il-Ministru Cardona, minn dejjem kienet lesta tikkopera mhux biss mal-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea imma wkoll mal-pajjiżi ġirien fil-Mediterran.
Il-Kummissarju Ewropew Maria Damanaki tkellmet fuq is-sinifikat tal-Jum Marittimu Ewropew li din is-sena qed ikun iċċelebrat għas-sitt sena konsekuttiva.
Hija ddeskriviet is-settur tat-turiżmu marittimu bħala wieħed importanti ħafna fis-settur tal-ekonomija marittima u saħqet li kien għalhekk li qed issir din il-konferenza biex ikunu skambjati ideat u prattiċi bejn il-pajjiżi differenti.
Il-konferenza tissokta matul il-jum tal-Erbgħa fejn se jkunu qed jittellgħu bosta workshops għall-istakeholders u li fihom se jkunu mistħarrġa bosta temi fosthom it-turiżmu u l-biodiversità, it-tniġġiż miż-żejt u t-theddida li dan iġib miegħu, il-promozzjoni aħjar ta’ destinazzjonijiet fl-Ewropa għall-fini ta’ turiżmu marittimu u r-rwol tal-portijiet u l-impatt li dawn iħallu fuq l-ambjent bl-operat tagħhom.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en