DISKORS TAL-ONOR. JOSÉ HERRERA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KULTURA U GVERN LOKALI, WAQT IL-LAQGĦA PLENARJA REĠJUN NOFSINHAR - 18 TA’ MEJJU 2013
Sur President,
Sindki, Viċi Sindki
Kunsillieri,
Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qiegħed nifhem l-importanza tal-ħidma tagħkom. Mhux ta’ b’xejn li fid-diskorsi preċedenti tiegħi aċċennajt għall-fatt li intom, il-Kunsilli Lokali, ir-raba pilastru tat-tmexxija tal-pajjiż.
Din ma ngħidhiex għall-konvenjenza, imma ngħidha għax hija l-verità u nemmen fiha. Għalhekk nieħu din l-okkażjoni sabiex nifraħ lil dawk fostkom li ġejtu eletti għall-ewwel darba, sew bħala Sindki, Viċi Sindki jew Kunsillieri ġodda.
U speċjalment lilkom il-ġodda nitlobkom sabiex tkunu tafu sew ir-responsabbiltajiet li għandkom, li għalkemm mhumiex ħafna fil-kwantità, imma huma responsabbiltajiet li jitfgħu piż kbir fuqkom.
Jista’ jkun li wħud minnkom dan ma tantx tirrealizzawh, imma r-responsabbiltà qegħda hemm u jiena se nagħmel ħilti kollha sabiex nara li intom tkunu mgħarrfa sew bir-responsabbiltajiet li għandkom.
Għal din ir-raġuni qegħdin inħejju programm ta’ taħriġ fejn intom se tkunu mistiedna tipparteċipaw. Huwa fl-interess tagħkom li tkunu aġġornati.
Taħsbux li qiegħed nimmaġina jew qiegħed noħlom, naf x’qiegħed ngħid u huwa propju għalhekk li hemm bżonn li ndaħħlu aktar serjetà fil-ħidma li qegħdin twettqu.
Naf li hemm numru mhux ħazin minnkom li lanqas għandkom segretarju eżekuttiv tal-post u fuq din qegħdin naħdmu u fi ftit gimgħat oħra se jkollkom ir-riżorsi kollha li għandkom bżonn.
Nistqarr magħkom li ma ħafna minnkom qiegħed nieħu pjaċir naħdem u nħossni fid-dover li nilqa xi wħud mit-talbiet tagħkom. Intom qegħdin tagħmlu ħafna xogħol u nemmen li hemm bosta proġetti li qegħdin isiru b’mod professjonali u b’ħafna dedikazzjoni.
Dan kollu qegħdin tagħmluh minkejja li għadkom tiltaqgħu ma’ ħela ta’ żmien u burokrazija żejda. Dan il-ħin jista’ jintuża ferm aħjar u għalhekk hemm bżonn li nagħmlu tibdiliet kbar. Jiena diġà bdejt nindirizza din il-problema.
Forsi mhux kulħadd jista’ jsegwi x’qegħdin nagħmlu, imma fil-ftit żmien li ġejt fdat b’din ir-responsabbiltà qegħdin nieħdu deċiżjonijiet li ilhom snin twal biex ikunu solvuti.
Qiegħed nittama li fi żmien mhux ‘il bogħod se nkun qiegħed nikkomunika magħkom id-deċiżjonijiet li nkunu ħadna u ninfurmakom ukoll x’se jkun il-pass li jmiss.
Ha nagħmilhielkom ċara mill-ewwel, jiena lest li niddefendi l-ħidma tagħkom, però mhux lest niddefendi n-nuqqasijiet tagħkom. Naħseb li lkoll tafu għal xiex qiegħed nirreferi.
Hemm bżonn li tkunu ħafna aktar trasparenti u tridu tagħtu rendikont tal-ħidma tagħkom lin-nies f’kull ħin u kull mument. In-nies tawkom il-fiduċja tagħhom u intom għandkom l-obbligu li dik il-fiduċja issarrfuha f’riżultati tajbin.
Aħsbu, daqs li kieku l-elezzjoni tagħkom se ssir għada, toqgħodux tħallu għall-aħħar sabiex taqdu lin-nies. Din il-gimgħa ħadt gost ħafna nattendi konferenza stampa organizzata mill-Kunsilli Lokali ta’ Ħaż Żabbar, konferenza li fiha ġie inawgurat proġett mill-istess Kunsill Lokali dwar “open governance”, proġett li jinvolvi lin-nies u sar għan-nies.
Forsi jkun hawn min jistaqsi ‘Imma n-nies iridu jipparteċipaw?’ jew ‘Imma dan mhux kollu ħela ta’ ħin?’ jew ‘Mhux diġà għandhom iċ-ċans li jipparteċipaw jekk iridu?’.
Jekk tirraġunaw b’dan il-mod ma tkunux qegħdin tifhmu r-realtà taż-żminijiet tal-lum.
Għalhekk, waqt il-laqgħa tas-Sindki li se ssir ġewwa Għawdex, fejn ħafna minkom se tkunu preżenti, se nħabbar l-ewwel skema li se tkun marbuta ma’ “live streaming” tal-laqgħat tal-Kunsill.
Toqgħodux tinkwetaw, se nagħtukom il-flus għal dan u rridu li s-sistema tkun waħda professjonali. Ftakru, li intom Gvern Lokali u ma tistgħux tittrasmettu prodott li ma jkunx ta’ kwalità.
Din hija deċizjoni li jiena ma ħsibtiex darbtejn biex neħodha għax emmint li dan huwa l-aktar mezz effettiv kif nistgħu nersqu eqreb lejn in-nies.
Dan huwa l-mod ta’ kif se nkunu qegħdin nużaw l-għodda moderna li għandna llum biex inkunu aktar trasparenti u aktar kredibbli.
Min minnkom bħali ilu fil-politika għal numru ta’ snin jaf li llum il-poplu tgħallem jagħmel l-għażliet tiegħu, il-“media” kuljum qegħda tgħasses l-operat tal-politiċi u għalhekk irridu naċċertaw ruħna li l-affarijiet qegħdin isiru sew.
Nappellelkom, sabiex tużaw il-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni li jezistu, il-“facebook”, il-“websites” u t-“twitter”, tibzgħux minnhom, ikun aħjar li tkunu tafu fejn qegħdin man-nies milli taħdmu bejn erba’ ħitan weħidkom u meta tiġi s-siegħa tal-prova in-nies iwarrbukom.
Dakinhar ikun tard wisq biex tipprovaw tibdlu r-rotta.
Issa ħa nagħmel ftit referenza għall-Kumitati Reġjonali, l-għaliex wara kollox aħna llum għalhekk qegħdin hawn. Jiena minix kuntent bil-mod ta’ kif twaqqfu dawn il-Kumitati u nazzarda ngħid, li kien żball kbir li kellkom teħlu l-energija tagħkom fuq sistema tal-gwardjani lokali li għad għandha difetti kbar.
Il-Kuncett Reġjonali huwa wieħed tajjeb u aħna naqblu miegħu. Għalhekk il-ministeru tiegħi se jkun qiegħed jagħti prijorità lill-ħidma li trid issir sabiex issir riforma fir-Reġjuni li hija tant bżonnjuża.
Din ir-riforma se nagħmluha biex insaħħu l-ħidma tal-Kumitati Reġjonali. Dan se nagħmluh fl-istess waqt li se nirrispettaw l-awtonomija tagħkom. Irridu nagħtukom l-ispazju kollu li għandkom bżonn biex taħdmu bil-għaqal u tkunu pro-attivi, ħalli tkunu f’pożizzjoni li tgħinu lill-Kunsilli Lokali.
Tridu tibdew minn issa billi tinvestu u taħsbu biex ikollkom riżorsa umana li tkun kapaċi tikseb fondi mill-Unjoni Ewropea. Jiena konvint li jekk jirnexxilkom iġġibu fondi mill-Unjoni Ewropea se ssaħħu l-ħidma tagħkom u tkunu f’pożizzjoni li tħarsu ‘l quddiem b’viżjoni differenti minn dik li għandkom illum.
Jiena illum mhux qiegħed f’pożizzjoni li nagħtikom dettalji fuq ir-riforma tal-Gwardjani Lokali, imma meta jkun il-waqt se tkunu infurmati u se tkunu involuti. Sfortunatament din is-sistema għad għandha ħafna toqob u ħafna difetti, saħansitra hija sistema li tqum ħafna flus u r-riżultati mhumiex dawk mixtieqa.
Għal dan il-għan qegħdin naħdmu bil-għaqal u qegħdin naraw x’inhi l-aħjar triq għall-futur, kemm għas-sistema fiha innifisha kif ukoll għall-Kumitati Reġjonali u anke għall-Kunsilli Lokali.
Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin bil-“musical chairs” u qisu mhu jiġri xejn, jekk ma nibdewx naħsbu kif se ntejbu s-sistema. Tifhmunix ħazin, dak li ġara mhux tort tagħkom, anzi, intom dejjem għamiltu dak li stajtu biex ix-xogħol jibqa għaddej.
Jiena ma naf bl-ebda investiment iseħħ mingħajr ma jkun hemm kapital għalih. Lilkom ħallewkom taqdfu weħidkom, issagrifikajtu anke l-pagi tagħkom biex jitħallas ħaddiehor u dan mhuwiex sewwa.
Għalhekk, biex ma ntawwalx ħafna, nixtieq nagħmlilkom kuraġġ u nitlobkom tkomplu bil-ħidma tagħkom u tippreparaw għall-isfidi li se jkollkom quddiemkom.
Kulħadd jaf li l-bidla iġġib ir-reżistenza, imma dan il-pass huwa bżonnjuż. Jekk naħdmu bil-għaqal, sena oħra nerġa’ niġi fil-laqgħa plenarja u flimkien niddiskutu t-tibdil li nkunu għamilna.
Wara li nagħmlu dan it-tibdil nibdew niddiskutu kif nistgħu inkomplu nitbiddlu biex insaħħu, kemm id-Demokrazija Lokali kif ukoll id-Demokrazija Reġjonali.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en