IR-RATIFIKA TAL-EMENDI TAL-PROTOKOLL TA’ KYOTO GĦALL-KONVENZJONI TAN-NAZZJONIJIET UNITI DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA
Malta aċċettat li tirratifika l-Emendi tal-Protokoll ta’ Kyoto, f’Doha l-Qatar, f’Diċembru li għadda, waqt il-Konferenza Annwali tal-Membri ta’ dan il-Protokoll. Dawn l-Emendi jagħtu nifs ġdid lill-Protokoll ta’ Kyoto wara li kien wasal biex jiskadi, fl-aħħar ta’ Diċembru 2012. L-Emendi jġeddu l-obbligi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet serra mill-pajjiżi żviluppati, fosthom Malta, mill-ewwel ta’ Jannar ta’ dis-sena 2013 sal-aħħar tas-sena 2020. Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea diġà għandha miri legali li trid tnaqqas dawn l-emissjonijiet sas-sena 2020. Dan ifisser li flimkien mal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, Malta issa għandha wkoll obbligu internazzjonali, li tasal għal dan l-istess tnaqqis kif miftiehem fi ħdan l-istess Unjoni.
Issa li l-Kabinett ta l-approvazzjoni tiegħu, skont is-Subartiklu 4 tal-Artiklu 3 taħt l-istess Att, imiss li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin jiddepożita l-istrument ta’ ratifika mad-Deopożitarju tat-Trattat, li f’dan il-każ hu s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Minħabba li Malta se tapplika dawn l-obbligi, dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet serra mal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, intlaħaq ftehim fi ħdan l-istess Unjoni li l-pajjiżi membri u l-Kummissjoni Ewropea jiddepożitaw l-istrument tar-ratifika fl-istess waqt, fil-futur qarib.
Matul dan iż-żmien, qabel Malta tirratifika l-Emendi tal-Protokoll ta’ Kyoto, Malta se tkun qegħda taħdem flimkien mal-Kummissjoni kif l-aħjar timplimenta dawn l-obbligi mal-pajjiżi membri l-oħra. Fl-istess waqt, Malta trid taddotta qafas legali, amministrattiv u istituzzjonali fuq pjan nazzjonali biex timplimenta dawn l-obbligi sas-sena 2020.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en