L-ONOR. FRANCO MERCIECA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA, JĦEĠĠEĠ GĦAL AKTAR ATTIVITÀ FIĊ-ĊENTRI GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Waqt żjarat li għamel dalgħodu f’żewġ ċentri li joffru servizzi ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabilità, is-Segretarju Parlamentari Dr Franco Mercieca saħaq fuq l-importanza li dawn iċ-ċentri jiġu utilizzati aħjar.
Waqt li kien qiegħed iżur iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’Ħal Far, wieħed mid-disa’ ċentri operati mill-Aġenzija Sapport, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva l-Onor. Franco Mercieca qal li l-Gvern se jkun qiegħed jaħdem biex dawn iċ-ċentri jiġu utilizzati aħjar billi jittellgħu attivitajiet varji minn dawk li qegħdin jiġu offruti bħalissa. Huwa sostna li l-attivitajiet li qegħdin isiru bħalissa fiċ-Ċentru bħal taħriġ fuq pottery u crafts huma importanti, iżda saħaq li hemm bżonn ta’ attivitajiet differenti fuq barra bil-għan li l-persuni b’diżabilità jħossuhom aktar attivi u biex ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Fi tmiem attività li ttellgħet mill-persuni b’diżabilità fl-okkażjoni tal-ewwel żjara tiegħu f’dan iċ-ċentru, Dr Mercieca sostna li l-Gvern se jkompli jinkoraġġixxi l-missjoni tas-Servizzi ta’ Matul il-Jum biex il-klijenti jiżviluppaw l-abbiltajiet u l-ħiliet meħtieġa biex jitgħallmu jużawhom aktar b’determinazzjoni u jintegraw aħjar fis-soċjetà, filwaqt li jgawdu u jibbenefikaw minn ambjent addattat għall-ħtiġijiet tagħhom.
Fi żjara oħra li għamel f’ċentru ieħor immexxi mill-NGO - The Physically Handicaped Rehabilitation Fund f’Raħal Ġdid, l-Onor. Dr Merieca esprima x-xewqa tiegħu li l-faċilitajiet f’dan iċ-ċentru jiġi użati aktar fl-interess tal-persuni b’diżabilità.
F’dan iċ-Ċentru l-Aġenzija Sapport toffri wkoll is-servizzi tagħha lill-persuni b’diżabbiltà fejn jingħataw l-opportunità li jiżviluppaw aħjar l-abbiltajiet tagħhom.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en